Forzi Russi rebħu u ħadu f’idhom il-kontroll ta’ belt importanti fin-nofsinhar tal-Ukrajna.
Kherson hija l-ewwel belt importanti li r-Russi ħadu f’idhom. Din tinkludi port attiv ħafna.
Is-Sindku ta’ Kherson, Igor Kolykhaev qal li t-truppi daħħlu fil-binja tal-kunsill u imponew curfew fuq ir-residenti kollha.
Ir-residenti ta’ din il-belt ma jistgħux joħorġu bejn it-8:00pm u s-6:00am u fil-ħin li jkunu jistgħu joħorġu, ma jistgħux ikunu aktar minn żewġ persuni flimkien.
Fil-belt jistgħu jidħlu biss karozzi li qed iġorru l-ikel, il-mediċina u affarijiet oħra essenzjali u dawn il-karozzi jridu jsuqu bilmod.
Il-ġurnata tal-bieraħ kienet diffiċli ħafna għall-Ukreni hekk kif il-ġlied qiegħed jintensifika. Fl-aħħar sigħat instemgħu erba splużjonijiet kbar fil-kapitali Kjiv.
Intant, il-Qorti Kriminali Internazzjonali qed tinvestiga lir-Russja għal reati ta’ gwerra u reati kontra l-umanità mwettqa fl-Ukrajna.
Mill-banda l-oħra, għall-ewwel darba, ir-Russja ammettiet li mietu suldati tagħha tul dan il-kunflitt. Skont Moska, mietu 498 persuna u weġġgħu 1,596 suldat. Skont l-Ukrajna, in-numri huma ħafna akbar.
Il-Gvern Ukren qal li madwra 2,000 persuna innoċenti, mhux suldati, mietu minn meta bdiet l-imvażjoni.
Aktar minn miljun persuna ħarbet mill-Ukrajna.