Illum il-mexxej tal-Partit ABBA, Ivan Grech Mintoff stqarr mal-ILLUM li l-Kummissarju Elettorali Joseph Camilleri, qiegħed jipprojbixxi lilu u membri tal-ABBA milli jkunu preżenti waqt l-għadd tal-voti fl-elezzjoni ġenerali li jmiss, għar-raġuni li dawn mhumiex imlaqqma.
Grech Mintoff, jgħid li din hija t-tieni darba li fetħu protest ġudizzjarju, "l-ewwel darba għax ma ridux jirreġistrawna u issa għax mhux iħalluna nidħlu l-counting hall, għax mhux imlaqqma."
Huwa żied jgħid li din ir-raġuni mhix fil-leġiżlatura elettorali u għaldaqstant din il-projbizzjoni qed toħdilhom id-dritt tagħhom. F'referenza għall-Kummissarju huwa jgħid li, "suppost qiegħed hemm biex jiżgura li jkun hemm bilanċ iżda minflok qed jivvinta affarjiet illegali."
X'jgħidu l-miżuri kontra l-COVID-19 bħalissa?
Mill-11 t'April attivitajiet tal-massa f'postijiet pubbliċi ser jirritornaw għan-normal, jiġifieri mingħajr ma jintalab iċ-ċertifikat tal-vaċċin. Minkejja dan attivitajiet tal-massa f'postijiet fil-magħluq, xorta ser jibqa' jintalab iċ-ċertifikat tal-vaċċin.