'Ir-rebħa fl-elezzjoni li jmiss għandha tintuża biex inħallu s-snin ta' Muscat warajna darba għal dejjem' - Kunsillier tal-PL

Desmond Zammit Marmarà jgħid li hemm minoranza siekta li trid tara bidliet fl-elezzjoni li ġejja u jisħaq li Robert Abela għandu jkun elettoralment b'saħħtu biex iwettaq dawn il-bidliet

Desmond Zammit Marmarà
Desmond Zammit Marmarà

"Huwa ovvju li l-Partit Laburista se jirbaħ l-elezzjoni li ġejja bil-kbir, imma kuntrarjament għal dak li jaħsbu xi wħud din mhux ser issolvi l-problemi fil-Partit Laburista. Għandha imma tkun preludju għal snin li fihom inħallu s-snin ta' Muscat warajna, darba għal dejjem u nerġgħu nibnu lill-Partit Laburista mill-ġdid. Wara l-elezzjonijiet Robert Abela għandu jkun b'saħħtu biżżejjed biex jibda riformi tant meħtieġa, fosthom li jinkludi kemm jista' jkun nies ġodda fil-Kabinett tiegħu." 

Hekk sostna Desmond Zammit Marmarà f'artiklu dwar l-istat tal-Partit Laburista llum u li deher fuq il-ġurnal The Times. Fih huwa jgħid li hawn eluf ta' Laburisti li verament iħobbu lill-Partit Laburista iżda li ma jridux jaraw lil-Labour f'idejn jew qrib iżżejjed ta' negozjanti b'ħafna poter, speċjalment żviluppaturi tal-proprjetà, "għad-detriment tal-bqija taċ-ċittadini." Huwa qal li dawn il-votanti Laburisti ddejqu u ma jifilħux jaraw aktar qerda tal-ambjent u l-effetti tiegħu, filwaqt li qed jitolbu li l-politika tal-Partit Laburista tirrifletti dejjem l-ideoloġija u l-prinċipji u mhux sempliċiment ikunu populisti u bl-għan li jassiguraw kemm jista' jkun voti. "Dawn huma nies li gimmicks bħaċ-ċekkijiet mhumiex se jagħmuhom. Dawn nies li ma jridux jaraw aktar korruzzjoni," qal Marmara. 

Huwa sostna li dawk li jikritikaw ma jfissirx li qed jabbandunaw lill-Partit Laburista: "Le, dawk bħali li jitkellmu mhumiex qed jabbandunaw lil-Labour. Le, ma sseħibniex mal-Partit Nazzjonalista. Le ma rridux naraw il-poter tal-Labour jispiċċa. Aħna rridu naraw lill-Partit Laburista maħbub u ammirat mill-Maltin u l-barranin," sostna f'dan l-artiklu. 

Huwa qal li kontra Muscat ma għandu xejn personalment, "imma hija aktar minn ovvja li huwa fl-interess tal-Partit Laburista li jpoġġi lill-partit qabel individwu. Inkella kull ħaġa negattiva li se toħroġ dwar is-snin ta' Muscat se tkompli tgħarraq l-immaġini tal-partit b'mod serju."

Desmond Zammit Marmara staqsa fejn jinsabu l-intelletwali u l-ħassieba tal-Partit Laburista u sostna li l-Partit Laburista "qed jinqered minn idjoti bla moħħ li l-uniku kontribut tagħhom fil-politika hija biss ir-ripetizzjoni ta' dak li jisimgħu fuq il-midja tal-partit. Huwa sfortunat li l-inqas sezzjoni ta' intellettwali u l-inqas persuni edukati qed jiddominaw lill-partit għax dawn huma nies li mhumiex kapaċi jużaw il-fakultajiet kritiċi tagħhom u jagħmlu li jistgħu biex jagħlqu ħalq dawk li jesprimu inkwiet jew tħassib." 

More in Politika