Intervista | 'Jekk hemm xi ħadd li għandu s-soluzzjonijiet għall-għoli tal-ħajja huwa il-Partit Laburista'
L-għoli tal-ħajja, il-kontijiet, il-faqar u l-pagi, l-FATF, stejjer ta' nepotiżmu, l-abort, il-metro u Chris Cardona. Id-Deputat Jonathan Attard iwieġeb...
minn Albert Gauci Cunningham
L-elezzjoni riesqa ġmielha u din il-gazzetta issa tibda tiltaqa' ma' aktar u aktar kandidati li ħerġin għall-elezzjoni ġenerali. Din il-ġimgħa staqsejna l-mistoqsijiet tagħna lid-Deputat Laburista u Kandidat ġdid ukoll Jonathan Attard dwar diversi temi. U allura nibdew bl-aktar kwistjoni riċenti minn meta saret l-intervista: Ir-rifużjoni u ċ-ċekkijiet li l-Gvern ħabbar li se jibgħat fid-djar u li faċilment jitilgħu għal madwar €600 għal familja b'żewġt itfal studenti, fejn iż-żewġ ġenituri jaqilgħu bejn €15,000 u €30,000.
Ħafna persuni mill-PN u diversi oħrajn ukoll qed jakkużaw lill-Gvern li dan eżerċizzju ta' bżar fl-għajnejn "qabel elezzjoni". Imma mhux vera? Possibbli jemmen li hija koinċidenza li se jitqassmu dawn iċ-ċekkijiet ftit qabel elezzjoni? U x'jaħseb dwar l-istqarrija tal-eks Ministru tal-Finanzi Tonio Fenech li sejjaħ din il-miżura bħala "irresponsabilità"?
"L-ewwelnett nirringrazzjaw lil Alla li l-finanzi tal-pajjiż mhumiex f'idejn Tonio Fenech," jibda jgħid Attard li jisħaq illi l-kritika mhix ġusta għaliex din mhux l-ewwel darba li l-Gvern intervjena b'dan il-mod u b'dawn it-tip ta' inċentivi u jfakkar fil-Vouchers u l-Wage Supplement, fost oħrajn. "Issa qed jagħmel din il-miżura biex iservi ta' spalla għall-familji u n-negozji, imma din ma tfaċċatx mix-xejn."
Attard jgħid li huwa jemmen li l-Gvern jaf sewwa x'inhu jagħmel u r-riżultati "qed jarahom kulħadd." Huwa sostna illi filwaqt li pajjiżi madwarna jinsabu għalkopptejhom, "aħna bqajna għaddejjin. Qed naraw livelli baxxi rekord ta' qgħad, ix-xogħol kompla jinħoloq u allura qed naraw li l-istrateġija ekonomika tal-Gvern qed tagħmel sens, b'pajjiżna qed jitbassar li mhux biss se jkun fost l-ewwel li jmur lura għan-normalità, iżda se jesperjenza fost l-akbar tkabbir ekonomiku fl-Ewropa."
Huwa sostna li għalhekk l-intervent imħabbar din il-ġimgħa mill-Prim Ministru jagħmel sens. "Naħseb in-nies se japprezzaw dan l-intervent ekonomiku li jara illi jtejjeb fejn hemm bżonn."
Huwa imbagħad kkritika lill-Oppożizzjoni Nazzjonalista għax qal li l-ewwel bdiet tgħid li l-Gvern ma għamel xejn fuq l-għoli tal-ħajja u issa qed tikkritika din il-miżura. "U anke din li ma għamel xejn, mhi vera xejn. Il-Gvern kien deċiżiv, fost oħrajn biex il-prezzijiet tal-fjuwils ma jogħlewx kif għolew madwarna u naraw l-effetti li ħalla... il-prezzijiet tal-enerġija l-istess. F'Malta ma għolewx bħal pajjiżi oħrajn, grazzi għall-intervent tal-Gvern. U kieku ma għamilx hekk, il-kalkolu huwa li l-konsumatur kien iħallas madwar €500 iktar fis-sena f'kontijiet," kompla jgħid mal-ILLUM Jonathan Attard.
Huwa qal li għal kull sfida tinstab is-soluzzjoni, taħt Gvern Laburista.
Imma issa npattu qares wara l-elezzjoni. Le?
Imma imbagħad hemm l-argument l-ieħor, jiġifieri ta' kemm nifilħu nibqgħu noħorġu flus bħala pajjiż mingħajr ma nibdew inħallsu lura u allura ħafna jbassru li għalissa ħerġin iċ-ċekkijiet, imma wara l-elezzjoni nissikkaw iċ-ċinturin. Mhux tħassib leġittimu dan?
Huwa jammetti li dan l-argument isir iżda jisħaq li fir-realtà tal-lum ma tistax tadotta din it-tip ta' politika. Ifakkar ukoll li llum kif jiġu mmaniġġjati l-finanzi tal-pajjiż huwa skrutinizzat bil-qawwi mill-Kummissjoni Ewropea, li jfakkar ukoll li kien taħt Gvern Nazzjonalista biss li l-istess Kummissjoni bagħtet il-Baġit lura u talbet lill-Gvern biex inaqqas mill-ispejjeż ta' ċerti setturi. "Ara taħt Gvern Laburista dan qatt ma ġara. Qegħdin f'pożizzjoni li nagħmlu interventi bħal dawk li tħabbru din il-ġimgħa għax hemm minn fejn, għax il-Gvern mar aħjar milli kien qed jippjana fil-finanzi," jisħaq id-Deputat Laburista.
'Fl-aħħar għandna Gvern li jindirizza l-isfida tal-għoli tal-ħajja'
Tajjeb li l-Gvern daħal u għen fil-prezzijiet tal-fjuwils u elettriku u qed iqassam iċ-ċekkijiet. Pero' fl-aħħar mill-aħħar dawn miżuri temporanji għal problema fit-tul. X'jista' jsir biex tiġi inidirizzata din ir-realtà - li qed tibda tolqot ħafna familji - fit-tul?
Attard qal li filwaqt li hemm interventi immedjati bħaċ-ċekkijiet u r-rifużjoni, ifakkar li għaddejjin ukoll diskussjonijiet mal-imsieħba soċjali biex tkun riveduta l-mod kif tinħadem il-COLA - il-mekkaniżmu li jiddetermina kemm togħla l-ħajja - sabiex jirrifletti aktar il-bżonnijiet kurrenti tal-familji.
"Fl-aħħar għandna Gvern riżolut u li jrid jindirizza din l-isfida, filwaqt li ma tefagħhiex taħt it-tapit. Jiena konvint li jekk hemm xi ħadd li għandu s-soluzzjonijiet għall-problema tal-għoli tal-ħajja - li qed timpatta lill-familji - huwa l-Partit Laburista fil-Gvern."
'Il-PN mhux kredibbli fuq l-enerġija'
U la qed insemmu l-prezzijiet ma nistgħux ma nistaqsux lil Attard dwar il-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Il-Kap tal-Oppożizzjoni ta' sikwit ifakkar li l-Gvern ilu disa' snin "jisraq" lill-poplu f'kontijiet li ma kinux maħdumin tajjeb. Allura - l-istess - issa se jirranġa l-affarijet għax ġejja elezzjoni? Konvenjenti...
Mill-ġdid iżda Attard idawwarha fuq il-PN u jisħaq li dan il-partit mhuwiex kredibbli għax ifakkar li l-kontijiet preżenti qed jinħadmu fuq avviż legali li kien daħħal Gvern Nazzjonalista.
"Jiġifieri jekk problematika, din il-problema ħoloqha Gvern Nazzjonalista. Issa għax għamilna intervent, se jgħidu għax elezzjoni. X'nagħmlu mela? Nipposponu kollox għal wara l-elezzjoni?"
Huwa jisħaq li bħal kull ħaġa oħra din hija kwistjoni ta' kredibilità u jinsisti li l-PN kredibilità fuq kwistjoni tal-enerġija ma għandux.
Imma dwar l-enerġija - minkejja ħafna xogħol li sar - ma jħossx li għadna lura fuq enerġija ġejja mir-riħ - per eżempju?
Huwa jammetti li din hija waħda mill-isfidi li qed jiffaċċja pajjiżna u fejn hemm bżonn li l-Gvern jieħu deċiżjonijiet kuraġġużi. "Lilhinn mill-kritika u kontroversja l-fatt jibqa' li (permezz tal-Power Station il-ġdida) il-Gvern għamel investiment kbir li permezz tiegħu kienet assigurata l-provvista u assigurat ukoll l-istabbilità fil-prezzijiet."
"Jekk ma għamel xejn, il-Gvern preżenti ħoloq stabbilità u serħan il-moħħ f'dan is-settur," saħaq Attard.
Imma minkejja dan kollu li qed jgħid xorta għad hawn eluf fil-faqar jew li jgħixu bl-eżatt. Allura x'inhu jiġri ħażin?
Huwa qal li dan huwa minnu u l-faqar mhux perċezzjoni, għalkemm jisħaq ukoll li dawk f'riskju ta' faqar naqsu u jgħid li apparti miżuri finanzjarji diretti, il-Gvern Laburista ħa numru ta' passi oħrajn li wasslu biex ħafna nisa "jilħqu l-potenzjal tagħhom" u jmorru għax-xogħol, billi għamel iċ-childcare b'xejn.
"Naqbel miegħek li jkun hemm sitwazzjonijiet li jirrikjedu aktar attenzjoni u apparti l-miżuri li l-Gvern ħa f'diversi baġits, qed jara wkoll kif se jirratifika ċerta sitwazzjonijiet."
"Sar ħafna xogħol u għad fadal xi jsir," sostna mal-ILLUM Jonathan Attard.
Metro, tram jew tal-linja?
Il-gazzetta ILLUM staqsietu x'jaħseb u ma xhiex jaqbel: Ma' Metro, tram jew inkella nibqgħu kif aħna u ntejbu tal-linja?
Huwa ma jikkommettix ruħu iżda u jgħid li se jistenna biex tkompli tiżviluppa d-diskussjoni biex ikun determinat għandux isir jew le dan il-proġett.
Qal ukoll li minkejja li kien hemm titjib notevoli fit-trasport pubbliku, xorta jeħtieġ ikun hemm aktar titjib biex dan ikun effettiv.
'Mal-abort ma naqbilx pero' nemmen li tajjeb li niddjalogaw'
Jaqbel mal-abort Attard? Huwa jibda billi jgħid li le ma jaqbilx mal-abort għalkemm jgħid mill-ewwel li hemm bżonn issir diskussjoni b'maturità dwar is-suġġett, lilhinn mill-partiġġjaniżmu.
"Irridu nkunu miftuħa għal dawk li għandhom opinjoni differenti," sostna d-Deputat.
'Il-PM u Cardona wrew sens ta' maturità'
Attard għamel żmien jaħdem fil-qasam tar-Relazzjonijiet Pubbliċi mal-eks Ministru Chris Cardona, mhux eżattament l-aktar politiku li kellu tmiem - għall-karriera twila - glorjuż. Huwa kif jiġġudika lil Cardona llum? L-eks Ministru sar persuna non grata?
Huwa jibda billi jgħid li ma jaħsibx li huwa persuna non grata fil-PL u jgħid illi f'dak li jirrigwarda l-ħidma Ministerjali jħoss li l-fatti u ċ-ċifri ekonomiċi jitkellmu waħedhom. "L-ekonomija kibret u kellna rekord ta' investiment dirett barrani. Mhux se niġġudikah jiena, imma inħalli dawn il-fatti jiġġudikawh."
Attard qal illi imbagħad "inħolqot sitwazzjoni fejn seħħew ċerta avvenimenti li jistgħu joħolqu sitwazzjoni skomda għall-Partit Laburista."
Kompla jgħid iżda li "b'sens ta' maturità l-PM iddeċieda sabiex ikun jista' jassigura li l-pajjiż jimxi 'il quddiem pero' wkoll kien hemm is-sens ta' rispett ta' Cardona li ħass li għax seta' kien ta' piż għall-proġett Laburista rriżenja."
'Anke jiena ma fhimtx ċerta deċiżjonijiet għax m'inix mediku'
L-intervista ddur fuq il-Covid-19 u l-fatt li din mill-ġdid reġgħet ħolqot ħafna tgergir u ilmenti, mhux l-inqas minn diversi li jħossu illi l-Gvern lagħab bl-emozzjonijiet tan-nies meta l-ewwel qal li bla ċertifikat tal-vaċċin ma tistax tmur f'diversi postijiet bħal ristoranti, imbagħad dawwar din id-deċiżjoni. Ma jħossx li din il-kritika hija ġustifikata?
"Nifhem iva ċerta sentiment ta' nies diversi u d-deċiżjonijiet xi kultant in-nies ma jifhmuhomx, inkluż jiena, għax minix espert mediku. Imma naħseb ukoll li kollox ma' kollox il-Gvern mexxa lill-pajjiż tajjeb waqt il-pandemija u kull deċiżjoni li ħa kienet imnebbħa mhux mill-partiġġjaniżmu, iżda mix-xjenza," qal Attard,
Id-Deputat Laburista sostna mill-ġdid li ċerta deċiżjonijiet anke hu ma fehemhomx, imma jkompli jfakkar li Malta kienet mudell għal ħaddieħor, bir-rata tat-tilqim tkun fost l-ogħla fid-dinja.
"Pero' ma nistax ma ngħidx li mill-ġdid fuq din il-kwistjoni spikkat l-inkonsistenza tal-Partit Nazzjonalista. L-ewwel riedu lockdown, imbagħad kien hemm min fil-PN li qal li l-vaċċin mhux soluzzjoni, imbgaħad qablu mal-Gvern fuq il-miżura taċ-ċertifikat tal-vaċċin, imma imbagħad dawwru kollox għax raw it-tgerigir fuq il-midja soċjali..."
'Persważ li bir-riformi li qed nagħmlu se noħorġu mil-Lista l-Griża'
U la semma' l-Oppożizzjoni mill-ġdid nibqgħu fuq it-tema u nistaqsu: Għaliex il-Gvern ma aċċettax u ma qabilx mal-abbozz tal-PN b'diversi bidliet pjuttost pożittivi proposti?
Attard jgħid li trid titlaq mill-premessa li kuntrarjament għal dak li jgħid il-PN il-Gvern mhux vera raqad fuq riformi li jitrattaw il-governanza. "F'sentejn ressaqna rekord ta' abbozzi, wħud minnhom storiċi. Għaddejna mit-test tal-Kummissjoni Venezja, mit-test tal-Moneyval..."
Il-gazzetta twaqqfu u tfakkru li iżda fallejna t-test tal-FATF. "Dawn ir-riformi li qed nagħmlu persważ li se jwassluna wkoll biex ngħaddu mit-test tal-FATF. Dan il-Gvern ma naqasx li jagħmel interventi neċessarji, inkluż deċiżjonijiet mhux faċli - bħalma per eżempju żvesta ruħu mill-irwol li jiddeċiedi min ikun il-Prim Imħallef," sostna Attard.
Huwa kompla billi kkritika l-proposti tal-PN u qal li din kienet "stunt politika".
'L-aqwa soluzzjoni għall-pajjiż huwa li jkollu Gvern Laburista'
Finalment Jonathan Attard jidħol f'dar u jgħidulu li issa xebgħu jisimgħu stejjer ta' nepotiżmu u kuntratti lill-ħbieb tal-ħbieb u allura mhux se jivvutaw. Kif se jikkonvinċiehom?
Attard saħaq illi meta tħares lejn l-istampa sħiħa, "perfetti ma konniex u dejjem ngħiduha din pero' l-ġid li ħoloq dan il-Gvern, b'sens ta' rieda tajba nemmen li se jispikka fl-għażla tan-nies fl-elezzjoni li ġejja."
Huwa jkompli jgħid illi f'mumenti ta' sfida - sfidi li qed tiffaċċja d-dinja kollha - "l-aqwa soluzzjoni għall-pajjiż huwa li jkollu Gvern Laburista, għax il-poplu l-inqas li jħoss l-impatt ta' dik l-isfida."
Huwa qal li qabel kienu jogħlew il-prezzijiet minn barra u l-Gvern jaqbad u jgħolli, jew inkella kull xahar id-Dipartiment tal-Informazzjoni iħabbar reviżjoni fil-prezzijiet tal-fjuwils "u jkollna ħafna teatrini fil-pompi... dawn affarijiet li ġraw ftit snin ilu biss. Taħt il-Labour dawn l-affarijiet ma jiġrux," temm l-intervista Jonathan Attard.