'Il-PBS sar infiltrat bil-propoganda Laburista' - Il-PN jiftaħ każ kostituzzjonali kontra l-PBS

L-applikazzjoni fil-Qorti kienet iffirmata mis-Segretarju Ġenerali preżenti Michael Piccinino u l-eks Segretarji Ġenerali Paul Borg Olivier u Francis Zammit Dimech

Il-Partit Nazzjonalista ħabbar li se jkun qed jiftaħ każ Kostituzzjonali fuq dak li sejjaħ parzjalità u propoganda fuq ix-Xandir Nazzjonali, il-PBS. 

Waqt Konferenza li kienet indirizzata mill-Viċi Kap tal-PN David Agius intqal li l-partit se jkun qed jieħu din l-azzjoni legali mhux biss kontra l-Awtorità tax-Xandir imma kontra l-Ministru Carmelo Abela, li huwa responsabbli għax-xandir tal-istat. Agius sostna li l-PN ilu jsofri minn żbilanċ politiku fuq l-aħbarijiet tal-PBS. 

Agius saħaq li x-xandir pubbliku sar, komplatemant "infiltrat bil-propoganda Laburista". 

L-applikazzjoni kienet iffirmata mis-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino u l-avukat Paul Borg Olivier u Francis Zammit Dimech, it-tnejn eks Segretarji Ġenerali tal-istess partit. 

"In-nies qed ikunu bbumbardjati bi propoganda mill-amministrazzjoni Laburista, bil-messaġġ tal-Oppożizzjoni kompletament injorat jew moħbi fil-bullettini tal-aħbarijiet," temm jgħid David Agius. 

Fl-intervent tiegħu, is-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino fakkar li, “l-Partit Nazzjonalista ilu xhur sħaħ jipprova jasal biex l-Awtorità tax-Xandir u l-PBS jieħdu l-azzjoni meħtieġa fil-konfront ta’ dan l-iżbilanċ u għaldaqstant il-Partit ma kellux alternattiva ħlief li jieħu passi legali biex iħares id-drittijiet umani tal-Oppożizzjoni u tal-poplu Malti li jistħoqqlu xandir u messaġġ bilanċjat.”

 

More in Politika