Jibda l-bini tal-pixxina ta’ daqs olimpiku fil-Bormla b’investiment ta’ madwar €14-il miljun

Il-pixxina hija ta’ daqs olimpiku, b’saqaf tal-injam, kif ukoll ħitan tal-ħġieġ, u fond ta’ 2.2 metri, li jissodisfa r-rekwiżiti mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Għawm

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Clifton Grima iżur ix-xogħol li qed isir
Il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Clifton Grima iżur ix-xogħol li qed isir

Wara xogħol estensiv fis-sit fejn qed tinbena l-ewwel pixxina indoor ta’ skala internazzjonali f’Bormla, issa l-proġett daħal sew fit-tielet u l-aħħar fażi tiegħu. L-iskavar fil-fatt huwa lest u bħalissa qed jinbnew il-pixxina u l-istands tal-ispettaturi, f’proġett b’investiment ta’ €14-il miljun.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Clifton Grima żar ix-xogħol li qiegħed isir u kien hawn meta fakkar li "l-proġetti kollha li għaddejjin f’dan is-settur jikkumplimentaw l-Istrateġija Nazzjonali għall-Isport, filwaqt li dan il-proġett tal-pixxina huwa wkoll imwiegħed fil-manifest elettorali."

It-tqattigħ tal-blat ħa ħames xhur, filwaqt li ġew ordnati wkoll l-istrutturi kollha li huma parti mill-pixxina, fosthom il-frame u s-saqaf tal-pixxina, is-sistema ta’ ventilazzjoni, kif ukoll il-ħitan tal-ħġieġ, li mistennija jaslu f’pajjiżna minn Marzu li ġej 'l quddiem. Din l-aħħar fażi tinkludi wkoll it-tlestija tal-bini tal-uffiċini, il-plant room, il-faċilitajiet tal-ikel, dressing rooms u showers.

Il-pixxina hija ta’ daqs olimpiku ta’ 5000 metru kwadru, b’saqaf tal-injam b’tul ta’ 44 metru, kif ukoll ħitan tal-ħġieġ li jkopru mal-44 metru kwadru kull naħa, u fond ta’ 2.2 metri, li jissodisfa r-rekwiżiti mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Għawm. Il-pixxina se tkun mgħammra bl-aħjar teknoloġija, fosthom dik tal-bulkheads biex il-pixxina tkun maqsuma f’aktar minn faċilità waħda. L-art tal-pixxina se jkollha funzjoni li titla’ u tinżel biex il-coaches tal-għawm ikunu jistgħu jagħtu l-lezzjonijiet tagħhom fl-ilma stess.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar spjega x-xogħol kollu li sar marbut mal-bini ta’ din il-pixxina. Huwa qal li f’dan il-proġett kien imħares ukoll l-ambjent, għaliex il-materjal kollu mit-twaqqigħ tal-Boċċi Dromo kien riċiklat.

Cutajar qal li l-proġetti kollha li qed tieħu ħsieb SportMalta għandhom għan wieħed, dak li "nagħtu l-aqwa faċilitajiet possibbli lill-atleti fid-diversi dixxiplini sportivi.Dawn il-proġetti qed ikomplu jgħollu l-livell tal-isport u jneħħu l-iżvantaġġi li sa issa kellu l-atleta f’pajjiżna meta mqabbel mal-faċilitajiet offruti f’pajjiżi madwarna."

More in Politika