'Il-poplu wasal għal ġudizzju ċar ilbieraħ dwar kif inħatfu l-mobiles ta' żewġt itfal' - Abela

Il-Prim Ministru Robert Abela jgħid li huwa d-dover tiegħu li jitkellem meta jħoss li ma jkunx hemm proporzjonalità bejn it-tfittix għall-verità u l-mezzi wżati biex tinstab il-verità

Il-PM Robert Abela
Il-PM Robert Abela

F'kummenti mill-ġdid dalgħodu wara li lbieraħ il-Pulizija marru d-dar tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat u kkonfiskawlu l-mobiles tiegħu, ta' martu u saħansitra ta' uliedu, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li huwa dejjem tkellem b'rispett sħiħ dwar l-istituzzjonijiet tal-pajjiż u dan il-Gvern ta l-fiduċja kollha meħtieġa biex jingħataw dan ir-rispett. "Imma stat demokratiku jimxi bic-checks and balances u jiena bħala Kap tal-Eżekuttiv... erġajt urejt il-fiduċja fl-istituzzjonijiet imma bħala Prim Ministru fejn inħoss li hemm nuqqas ta' proporzjonalità bejn li ssib il-verità u l-mezzi li jintużaw (biex issib dik il-verità)  hawnhekk huwa d-dover tiegħi li nitkellem." Abela ċċara li hawnhekk kien qed jitkellem dwar dak li jsejjaħ "il-ħtif" ta' mobiles ta' żewġt itfal żgħar. 

Mistoqsi jekk jaf x'hemm fil-mobiles ta' ulied Muscat, il-Prim Ministru sostna illi huwa għalhekk li l-proporzjonalità hija importanti u qal ukoll li l-poplu wasal għal ġudizzju ċar dwar dan. 

Huwa jiċħad li b'xi mod kien hemm theddid fil-konfront tal-Maġistrat. "Il-messaġġ tiegħi dejjem kien li ħadd mhu 'l fuq mill-liġi u li kulħadd ugwali quddiem il-liġi u li kulħadd irid jiġi trattat l-istess, kellu x'kariga kellu," sostna l-Prim Ministru. Huwa stieden lill-ġurnalisti biex jistaqsu lid-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi dwar dak li seħħ ilbieraħ. "Ma ddejjaq xejn (Azzopardi) li juri x'kien ser iseħħ minn qabel, minkejja li ma għandu ebda kariga Kostituzzjonali li tpoġġieh f'pożizzjoni li jkun jaf."

Abela, mill-ġdid reġa' mbarazza u ddieħak b'dak li allega l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech li qal li kien li instiga t-tfittxija tal-Pulizija u sostna li proprju għax jgħid dawn l-affarijiet li "ma jemmnu ħadd." 

F'Novembru li għadda kien żvelat li Joseph Muscat irċieva madwar €60,000 mingħand Accutor AG, kumpanija li kienet ħadet il-miljuni mingħand Steward Healthcare meta din ħadet f'idha l-kuntratt mingħand il-VGH għat-tmexxija ta' tliet sptarijiet pubbliċi.

More in Politika