'Teatrini biex jumiljawni' - Joseph Muscat wara li sar rejd mill-Pulizija fid-dar tiegħu

Fis-7am ta' dalgħodu, Pulizija marru d-dar tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat biex ifittxu dokumenti b'rabta mal-investigazzjoni fuq il-VGH

Kmieni dalgħodu, il-Pulizija marru fid-dar tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat biex ifittxu għal dokumenti b'rabta mal-investigazzjoni fuq il-Vitals Global Healthcare.

Skont rapporti, l-investigaturi daħlu fid-dar ta' Muscat fis-7am u għamlu minn tal-inqas tliet sigħat fil-proprjetà. Fost oħrajn ikkonfiskaw il-mowbajl tiegħu, ta' martu Michelle u anke ta' uliedhom.

Jidher li Muscat kien infurmat li se tkun qed issir din it-tfittxija.

Muscat qal li kien "nofsu sorpriż" b'dan ir-rejd u ddeskrivihom bħala "teatrini mhux neċessarji" li saru biex "jumiljawh."

Id-dettalji dwar dan ir-rejd tahom Muscat stess f'filmat li ppubblika fuq Facebook. Huwa qal li nduna li se jkun qed jiġri xi ħaġa minn post li kiteb u kummenti li għadda d-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi. Kien għalhekk li qal li rejd kien "nofs sorpriża."

Muscat ta lill-investigaturi fajl mimli dokumenti u li fi kliemu kien ilu li ppreparah min-Novembru li għadda meta l-midja żvelat informazzjoni dwar flus li hu ħa mingħand il-kumpanija Accutor AG.

F'Novembru li għadda kien żvelat li Joseph Muscat irċieva madwar €60,000 mingħand Accutor AG, kumpanija li kienet ħadet il-miljuni mingħand Steward Healthcare meta din ħadet f'idha l-kuntratt mingħand il-VGH għat-tmexxija ta' tliet sptarijiet pubbliċi.

Muscat jirritorna għall-ħajja pubblika

Intant, fl-istess filmat, Joseph Muscat qal li mhux se jkun intimidat u li se jkun qiegħed jitkellem aktar jekk ikun hemm bżonn.

Fil-fatt saħaq li nhar is-Sibt, f'jum għeluq sninu, se jkun qed jibda paġna ġdida. Insista li għamel sentejn kwiet imma saħaq li issa "se nibda nagħmel ftit aktar ħoss, permezz tal-Internet u wiċċ imb' wiċċ, niltaqa' magħkom għax dak kollu li għamilt, għamiltu għall-ġid tal-pajjiż."

Temm jisħaq li filwaqt li hu mhuwiex perfett, dak li qed ikun akkużat bih mhuwiex minnu.

Aqra wkoll:

More in Politika