Muscat jgħid li €60,000 li rċieva minn kumpanija b'rabta ma' Steward kienu flus ta' xogħol li għamel, kollox iddikjarat

Joseph Muscat iwieġeb għal storja dalgħodu dwar €60,000 li kien irċieva f'kont bankarju lokali minn kumpaniji marbutin ma' Steward Healthcare

L-eks Prim Ministru Joseph Muscat sostna li flus li huwa irċieva fil-Kont tiegħu tal-Bank of Valletta u li jgħid illi kollha ġew ddikjarati huma ta' xogħol li huwa kellu ma' kumpanija partikolari wara li ma baqax Prim Ministru. Muscat jgħid li The Times staqsewh dwar xogħol li għamel għall-Kumpaniji mill-Iżvizzera Accutor AG u  Spring X Media għall-ammont totali ta' €60,000. Dawn il-kumpaniji - tirrapporta l-istess gazzetta kienu ħadu miljuni mill-bejgħ tal-konċessjoni tat-tliet sptarijiet lil Steward Helathcare. 

"Fil-jiem li għaddew, The Times of Malta staqsewni dwar xogħol li għamilt wara li spiċċajt minn Prim Ministru ... jien ma kellix problema li nwieġeb jekk ikun fl-interess pubbliku u bla ma nirfes fuq informazzjoni kummerċjali ta’ terzi. Kont trasparenti għal kollox. It-titlu tal-istorja iżda ma jgħidx li għamilt xogħol għal kumpanija, kif jafu li għamilt, iżda li rċevejt flus. L-implikazzjoni hija ċara li qisni ingħatajt flus għalxejn jew suppost bħala kumpens ta’ transżzzjoni ta’ miljuni kbar," sostna Muscat. 

Ir-records bankarji Żvizzeri tal-Bank li ssemmi l-gazzetta juru illi Steward Healthcare daħħlet €3.6 miljun minn Accutor fl-istess ġurnata li Steward Healthcare iffirmat il-ftehim biex tieħu l-konċessjoni għat-tliet sptarijiet li kienu f'idejn il-VGH.

Muscat jgħid li għax-xogħol li għamel għal xi xhur ma kienx relatat ma’ proġetti relatati mal-Gvern Malti. "Ix-xogħol li għamilt kien mifrux ma’ pajjiżi differenti, f’setturi differenti, u huwa ddokumentat. Ta’ dan ix-xogħol tħallast u ddikjarajt kollox, mhux bħal xi whud li marru jiġru jipprovaw jirranġaw it-taxxa għaliex kienu deħlin fil-politika. Żgur m’ għamiltx ukoll bħal min l-ewwel innegozja f’isem il-Gvern fi proġetti kbar, imbagħad mar imexxi l-entita fuq in-naħa l-oħra tal-mejda."

Muscat temm jgħid li għal ċerti nies hu lanqas dritt jaħdem ma għandu', "imma aktar ma jagħmluli aktar nibqa konvint kif dawn in-nies għadhom ma jistgħux joffru alternattiva għall-pajjiz."

More in Politika