Aktar reazzjonijiet għal ħatra ta' Metsola ... il-President ta' Malta u l-Kurja fost dawk li jifirħulha

L-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex flimkien mal-President George Vella jawgura lil Metsola għall-ħatra tagħha bħala President tal-Parlament Ewropew

M'hemmx dubju li illum se tibqa' stampata bħala ġurnata importanti kemm fl-istorja tal-Unjoni Ewropea, hekk kif ġiet eletta President mara, u kemm għal Malta. Sintendi matul il-ġurnata kien hawn diversi reazzjonijiet għal din il-ħatra fosthom mill-Partit Nazzjonalista u mill-Partit Laburista iżda wkoll mill-Kurja u mill-President ta' Malta.

L-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex jifirħu lil Metsola

Min-naħa tagħha, il-kurja ferħet lil Roberta Metsola għall-ħatra tagħha bħala President tal-Parlament Ewropew. Fl-istqarrija hija qalet li l-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex jawguraw li permezz ta’ ħidmietha, il-proġett Ewropew ikompli jinbena fuq il-valuri fundamentali li jirrispettaw id-dinjità u d-drittijiet tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza u s-saltna tad-dritt taċ-ċittadini kollha Ewropej b’mod partikolari tal-persuni vulnerabbli.

Il-President George Vella jgħid li 'din hija kisba importanti ħafna għal pajjiżna'

Għaldaqstant il-President ta’ Malta, George Vella, jifraħ lil awgura kull suċċess lill-President Maltija tal-Parlament Ewropew għall-kisba notevoli tagħha. Vella qal li hu żert li hija ser jirnexxilha taqdi d-dmirijiet u r-responsabbiltajiet kbar li ġġorr din il-kariga. 

Intant huwa tenna li din hija wkoll kisba importanti ħafna għal pajjiżna, li "għal darba oħra ta prova li jekk ningħaqdu flimkien, id-daqs u l-pożizzjoni ġeografika tagħna mhux se jxekklu viżjoni u impenn sod." 

Repubblika jfakkru 'fil-kontribut taggħa favur il-verità u l-ġustizzja u fl-appoġġ tagħha lis-soċjetà ċivili ġewwa pajjiżna'

Filwaqt li ingħaqdet mal-maġġoranza li ferħu lil Metsola, l-għaqda Repubblika fakkret fil-kontribut ta' Roberta Metsola "favur il-verità u l-ġustizzja u fl-appoġġ tagħha lis-soċjetà ċivili ġewwa pajjiżna."

Skont l-għaqda din hi esperjenza li turi li Metsola tqis is-soċjetà ċivili bħala sieħeb ewlieni tal-iStat f’demokrazija u mhux traditur jew għadu. Repubblika temmet tawgura lil Metsola fil-ħidma tagħha favur id-demokrazija, il-libertà u s-saltna tad-dritt.

More in Politika