It-tneħħija tar-restrizzjonijiet u anke d-deċiżjoni dwar ir-raba’ tilqima se tkun qed tittieħed skont ir-riżultati ta’ assessjar li qed isir fuq l-immunità tal-anzjani u persuni vulnerabbli li ħadu l-booster erba’ xhur ilu.
Il-Ministru Chris Fearne qal dan waqt il-programm Xtra fejn spjega kif bħalissa qed isiru dawn l-istudji biex ikun magħruf jekk l-immunità hijiex biżżejjed b’saħħitha.
Saħaq li r-riżultati se jkunu magħrufa fi ftit ġimgħat oħra u abbażi ta’ dawn ir-riżultati, ikunu jistgħu jittieħdu d-deċiżjonijiet.
Kien hawn li appella għas-solidarjetà waqt li saħaq li l-pajjiż ma jistax jirriskja li jpoġġu f’riskju l-ħajja tal-anzjani u persuni vulnerabbli.
Ilbieraħ, il-Prim Ministru Robert Abela kellu verżjoni differenti għat-tneħħija tar-restrizzjonijiet, fejn qal li dawn jitneħħew meta jkun hemm biżżejjed nies li ħadu l-booster.
Madanakollu, Abela fl-ebda ħin ma qal kemm irid ikun perstentaġġ mill-popolazzjoni li ħadet il-booster qabel ma jitneħħew ir-restrizzjonijiet, inkluż dik li biex persuna tidħol f’ristorant, bar, gyms u diversi stabbilimenti oħra, trid tippreżenta ċertifikat validu tal-vaċċin.