Mill-2003 sal-2017: L-għaxar distrett jibqa’ l-akbar fortizza tal-PN imma l-bruda qed tagħmel tagħha

Il-gazzetta ILLUM tkompli bil-ħarsa tagħha distrett distrett lejn ir-riżultati li kisbu ż-żewġ partiti l-kbar fl-aħħar erba’ elezzjonijiet ġenerali. Din il-ġimgħa jmiss l-għaxar distrett 

Qed noqorbu lejn it-tmiem. Il-gazzetta ILLUM qed tkompli bis-sensiela ta’ artikli li matulhom, hekk kif issa ninsabu fis-sena tal-elezzjoni ġenerali, qed tagħti rendikont u tanalizza s-sitwazzjoni tal-Partit Laburista u tal-Partit Nazzjonalista fid-distretti elettorali, mill-Elezzjoni Ġenerali tal-2003 sa dik tal-2017. 

Illum imiss l-għaxar distrett, jiġifieri dak magħruf bħala l-akbar fortizza tal-Partit Nazzjonalista u li jinkludi l-lokalitajiet tal-Gżira, parti min-Naxxar u Baħar iċ-Ċagħaq, Pembroke, San Ġiljan u ż-żona ta’ Paceville u anke Tas-Sliema.  

F’dan id-distrett, kif rajna anke fil-każ tad-disa’ distrett, il-Partit Nazzjonalista baqa’ minn fuq. Dan ma jfissirx li l-appoġġ baqa’ fejn kien. Il-bruda għamlet tagħha u kien hemm snin fejn id-distakk bejn iż-żewġ partiti naqas iżda xorta jibqa’ l-fatt li l-Partit Nazzjonalista żamm maġġoranza komda fih. 

Interessanti wkoll li fejn jidħlu l-kandidati, fl-aħħar erba’ elezzjonijiet, għall-kuntrarju ta’ dak li rajna fid-distretti l-oħra, ftit li xejn kien hemm bidliet. 

2003: Maġġoranza kbira għan-Nazzjonalisti; Siġġu wieħed għal-Labour u bla ma jilħaq il-kwota 

Bħas-soltu, nibdew il-ħarsa tagħna lejn l-għaxar distrett bl-elezzjoni ġenerali tal-2003 li l-Partit Nazzjonalista rebaħ b’maġġoranza komda ftit ġimgħat biss wara li rebaħ ir-referendum għas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. 

Fl-għaxar distrett ma kien hemm l-ebda dubju. Il-Partit Nazzjonalista kellu appoġġ qawwi. Fil-fatt, il-Partit Nazzjonalista kiseb 73.01% tal-voti, jew 15,728 vot, filwaqt li l-Malta Labour Party kiseb biss 5,567 vot jew inkella 25.84% tal-voti. 

In-Nazzjonalisti kellhom diversi kandidati popolari u l-voti nxterdu tant li ħadd minnhom ma qabeż il-kwota mal-ewwel għadd. L-ewwel kandidat elett kien Joe Borg, li tela’ b’4,018-il vot fl-għaxar għadd. 

Warajh, fit-12-il għadd, ġie elett George Pullicino, dak iż-żmien Segretarju Parlamentari fi ħdan il-Ministeru għall-Intern. Huwa kiseb 3,852 vot. 

Francis Zammit Dimech, li kien għadu kemm serva bħala Ministru għall-Ambjent, ġie elett fl-14-il għadd b’4,867 vot u immedjatament warajh ġie elett għall-ewwel darba Robert Arrigo bi 3,645 vot. 

L-uniku kandidat elett għall-Partit Laburista kien Evarist Bartolo. Huwa tela’ fis-16-il għadd u lanqas irnexxielu jilħaq il-kwota ta’ 3,591 vot. Fil-fatt, huwa kien elett b’2,988 vot. 

Bartolo kien ċeda s-siġġu tiegħu f’dan id-distrett u fl-elezzjoni każwali kien tela’ Joseph Cuschieri.  

Joe Borg ukoll kien ċeda s-siġġu tiegħu f’dan id-distrett u minfloku, għall-Partit Nazzjonalista, kien elett Michael Frendo. 

Il-Partit Nazzjonalista kellu b’kollox għaxar kandidati, filwaqt li l-Malta Labour Party kellu sebgħa. 

2008: L-appoġġ għall-PN jonqos fl-għaxar distrett imma xorta jibqa’ sostanzjali; Il-Labour issa jtella’ żewġ siġġijiet 

F’temp ta’ ħames snin, fuq bażi nazzjonali, l-appoġġ għall-Partit Nazzjonalista naqas drastikament biex rebaħ l-elezzjoni ġenerali bi ftit għexieren ta’ voti. Il-bruda għall-Partit Nazzjonalista nħasset ukoll fl-għaxar distrett anke jekk l-appoġġ baqa’ wieħed sostanzjali. 

Il-Partit Nazzjonalista kiseb 63.20% tal-voti jew 13,773 vot filwaqt li l-Malta Labour Party kiseb 33.91% tal-voti jew 7,390 vot. 

Din id-darba, il-Partit Nazzjonalista kellu 12-il kandidat, fosthom kandidati popolari u uċuh familjari. Dan wassal biex il-voti tal-votanti Nazzjonalisti jinqasmu u għalhekk ħadd mill-kandidati Nazzjonalisti ma kiseb il-kwota minnufih. 

Fil-fatt, l-ewwel ma ġew eletti kienu Michael Falzon u Evarist Bartolo għall-Partit Laburista. Falzon kien elett l-ewwel, fl-14-il għadd, bi 3,667 vot. Bartolo kien elett fis-17-il għadd bi 3,830 vot. Din id-darba, il-Partit Laburista tella’ żewġ Deputati. 

Eventwalment, Evarist Bartolo kien ċeda s-siġġu tiegħu f’dan id-distrett, hekk kif kien tela’ wkoll mid-distrett tiegħu tal-Mellieħa. Minfloku, għal darb’oħra, fl-elezzjoni każwali kien elett Joseph Cuschieri. 

Madanakollu, Cuschieri ma tantx dam Deputat. Kien hu li ftit xhur wara ċeda s-siġġu tiegħu biex seta’ ġie co-opted il-Mexxej il-ġdid tal-Partit Laburista, Joseph Muscat. 

Lura għall-elezzjoni tal-2008, din id-darba, fost in-Nazzjonalisti, Robert Arrigo, minkejja li ma kellu l-ebda kariga fil-kabinett, kien l-aktar kandidat popolari. Huwa kien elett fid-19-il għadd bi 3,738 vot. Fl-ewwel għadd kien diġà kważi kiseb 3,000 vot. 

Dolores Cristina, dak iż-żmien Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali kienet eletta fil-21 għadd b’4,247 vot. George Pullicino, Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent, kien elett fit-22 għadd bi 3,473 vot. 

Cristina kienet ċediet is-siġġu tagħha f’dan id-distrett hekk kif kienet eletta minn distrett ieħor u minflokha kien elett Michael Frendo. Frendo sar Speaker tal-Kamra fl-2010 u Karl Gouder kien ġie co-opted fil-Parlament. 

Interessanti li dik is-sena, il-Partit Nazzjonalista kellu fuq il-lista tiegħu fl-għaxar distrett, diversi kandidati popolari, fosthom lil John Dalli u anke lil Paul Borg Olivier.  

Francis Zammit Dimech ma kienx ġie elett bis-saħħa tal-voti, imma tela’ bis-saħħa ta’ Artiklu 52 tal-Kostituzzjoni li dwaru tkellimna diversi drabi.  

Wara l-elezzjoni tal-1981, kienu daħlu fis-seħħ emendi biex ma jerġax jiġri dak li seħħ f’dawk is-snin, meta l-Malta Labour Party, immexxi mill-Perit Dom Mintoff, iggverna għax kiseb l-akbar ammont ta’ siġġijiet u mhux l-akbar ammont ta’ voti. 

Fil-fatt, wara dik l-elezzjoni, fuq perjodu ta’ diversi snin, kienu daħlu fis-seħħ tliet emendi prinċipali:  

  • L-ewwel emenda tistabbilixxi li l-partit li jġib maġġoranza assoluta ta’ voti, jiżdidulu s-siġġijiet awtomatikament biex ikollu, minn tal-inqas, maġġoranza ta’ siġġu wieħed.  

  • It-tieni emenda tgħid li anke jekk partit ikun rebaħ b’maġġoranza relattiva, xorta waħda jiżdidulu s-siġġijiet biex ikollu mqar maġġoranza ta’ siġġu wieħed. 

  • It-tielet emenda hija dik li nsejħulha tal-proporzjonalità fejn is-siġġijiet jiżdiedu biex jirriflettu s-saħħa tal-voti li jkunu kisbu l-partiti fl-ewwel għadd. 

2013: Jerġa’ jonqos l-appoġġ tal-PN u issa jkollu tliet Deputati biss minn dan id-distrett 

Naslu issa għall-Elezzjoni tal-2013. Il-Partit Laburista, issa b’dehra u Mexxej ġdid imur quddiem il-poplu u dan jagħtih il-fiduċja tiegħu bil-qawwi. Il-Partit Nazzjonalista jsofri telfa kbira u fl-għaxar distrett, anke jekk iżomm maġġoranza assoluta, l-appoġġ tiegħu jonqos sostanzjalment. 

Din id-darba, il-Partit Nazzjonalista jikseb l-appoġġ ta’ 57.38% tal-votanti u jikseb 12,662 vot. Il-Partit Laburista, jikseb 39.26% tal-voti jew 8,665 vot. 

Fi żmien meta l-Partit Laburista kien qed jiġġedded u anke jeleġġi uċuh ġodda, il-Partit Nazzjonalista donnu baqa’ fejn kien u eleġġa lill-istess nies. Fil-fatt, Dolores Cristina ma kkontestatx din l-elezzjoni u marru minn fuq George Pullicino u anke Francis Zammit Dimech. 

L-għażla għan-Nazzjonalisti ma kinitx xi waħda ta’ barra minn hawn tant li l-voti, din id-darba, ma nxterdux, bl-għażla għall-votanti tal-PN tkun ċara.  

George Pullicino, li kien reġa’ serva bħala Ministru, qabeż il-kwota minnufih u kien elett mal-ewwel għadd bi 3,827 vot. Warajh, iżda fil-11-il għadd, kien elett Robert Arrigo bi 3,680 vot. 

Francis Zammit Dimech ma kellux bżonn mekkaniżmu fil-liġi. Issa laħaq eżatt il-kwota u kien elett fil-21 għadd bi 3,679 vot. 

L-ewwel kandidat elett għall-Partit Laburista kien Evarist Bartolo. Huwa kien elett fil-21 għadd bi 3,361 vot. Din is-sena kkontesta Manuel Mallia u mar minn taħt Michael Falzon. Mallia kien elett fil-21 għadd bi 3,069 vot, jiġifieri b’inqas voti mill-kwota. 

Eventwalment Manuel Mallia kien ċeda dan id-distrett u minfloku kien elett Michael Falzon. 

George Pullicino wkoll kien ċeda dan is-siġġu u kien ġie elett il-Professur Albert Fenech.  

Fenech kien irriżenja mill-Parlament fl-2016. Fl-ittra tar-riżenja huwa kien qal li se jagħmel dan minħabba impenji barra mill-pajjiż f’taħriġ biex ikun jista’ jaqdi aħjar il-funzjonijiet ta’ Direttur mediku u kap tad-Dipartiment tal-Kardjoloġija tal-isptar San Luqa u tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. 

Fil-fatt, huwa kien ġie avviċinat għal dawn il-karigi minn Vitals Global Healthcare (li kienu għadhom kemm ingħataw il-konċessjoni għat-tmexxija ta’ tliet sptarijiet pubbliċi) wara li xogħlu ntemm ħabta u sabta f’Mater Dei. 

Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista kellu bżonn jagħmel co-option u l-għażla reġgħet waqgħet fuq Karl Gouder.  

Kemm il-Partit Nazzjonalista u anke l-Partit Laburista kellhom ħdax-il kandidat. 

2017: Il-PN jerġa’ jsaħħaħ xi ftit l-appoġġ tiegħu iżda Tal-PD jnaqqsulu siġġu ieħor 

Fl-aħħar elezzjoni ġenerali, li seħħet fi żmien ta’ tensjoni kbira fil-pajjiż u allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni li fiċ-ċentru tagħhom kien hemm fost l-ogħla uffiċjali tal-Gvern, inkluż il-Prim Ministru Joseph Muscat innifsu, fl-għaxar distrett, il-Partit Nazzjonalista rnexxielu jikseb mill-ġdid xi ftit mill-appoġġ li kien tilef. 

Fi-fatt, din id-darba, il-Partit Nazzjonalista kiseb 60.29% tal-voti jew 14,058 vot filwaqt li l-Partit Laburista kiseb 8,873 vot jew 38.05% tal-voti. 

Anke jekk żied l-appoġġ, il-Partit Nazzjonalista spiċċa biex tilef siġġu ieħor f’dan id-distrett hekk kif ġiet eletta Marlene Farrugia. Vera li Farrugia kienet fuq il-lista tal-Partit Nazzjonalista, bħala parti minn dik li kienet qed tissejjaħ Forza Nazzjonali, iżda jibqa’ l-fatt li hi kienet parti mill-Partit Demokratiku. 

Għalhekk, essenzjalment, il-Partit Nazzjonalista spiċċa b’żewġ siġġijiet biss f’dan id-distrett, l-istess daqskemm tella’ l-Partit Laburista. 

Din id-darba, tela’ sparat Robert Arrigo. Anke jekk il-Partit Nazzjonalista kellu rekord ta’ 21 kandidat fuq dan id-distrett, il-voti ftit li xejn inaqsmu. Il-preferenza tan-Nazzjonalisti kienet ċara. 

Huwa qabeż il-kwota minnufih u kien elett fl-ewwel għadd b’xejn inqas minn 4,793 vot. Warajh imbagħad, fit-30 għadd kienet eletta Marlene Farrugia bi 3,970 vot. 

Jidher li n-Nazzjonalisti riedu bidla. George Pullicino, li erba’ snin qabel kien il-favorit tan-Nazzjonalisti f’dan id-distrett, issa baqa’ l-art, l-istess kif baqa’ Francis Zammit Dimech.  

Karl Gouder, f’din l-elezzjoni, ma kellux bżonn co-options. Anke jekk ma qabiżx il-kwota huwa ġie elett bi 3,502 voti fl-34 għadd. 

Għall-Partit Laburista, il-favoriti f’dan id-distrett baqgħu Evarist Bartolo li ġie elett b’4,793 vot u anke Michael Falzon b’4,045 vot. It-tnejn li huma qabżu l-kwota fit-32 għadd. 

Robert Arrigo kien ċeda s-siġġu tiegħu fl-għaxar distrett u minfloku, fl-elezzjoni każwali, kien elett Karol Aquilina. 

F’din l-elezzjoni, il-Partit Laburista kellu għaxar kandidati. 

More in Politika