32% ta' dawk li jħaddmu jirrapportaw assentejiżmu qawwi fuq il-post tax-xogħol minħabba l-Covid-19

L-Assoċjazzjoni ta' Min Iħaddem tappella biex jonqos il-perjodu ta' kwarantina sabiex jitnaqqas l-inkonvenjent kurrenti li qed iwassal biex 51% ta' min iħaddem inaqqas l-operat...

Skont sondaġġ mill-Assoċjazzjoni ta' Min Iħaddem (MEA), fost il-membri tagħha, kien hemm żieda qawwija fl-assentejiżmu fuq il-post tax-xogħol b'32% ta' dawk li pparteċipaw jirrapportaw rata ta' assentejiżmu li hija ogħla minn 15%, li qed joħloq problema sabiex bosta postijiet tax-xogħol, joperaw b'mod normali. 

58% ta' dawk li pparteċipaw qalu illi qed jimmaniġġjaw l-assentejiżmu permezz ta' teleworking fejn dan huwa possibbli filwaqt li 51% qalu li kellhom inaqqsu l-operat minħabba nuqqas ta' ħaddiema. Is-sondaġġ kien ikopri kumpaniji fis-setturi kollha tal-ekonomija. 

Il-MEA tgħid illi dan kollu se jkollu effetti fuq l-ekonomija kif ukoll fuq il-finanzi tal-Gvern, hekk kif il-Wage Supplement se jkollha tiġi estiża għall-ewwel kwart tas-sena. Għalhekk l-assoċjazzjoni appellat sabiex l-awtoritajiet jeżaminaw il-miżuri li qed jittieħdu biex tkun salvagwardjata s-saħħa pubblika, fosthom permezz tat-tul tal-kwarantina u restrizzjonijiet oħrajn biex b'hekk ikunu jirriflettu aħjar ir-riskji tal-pandemija. 

Dan l-appell sar ukoll mill-Kamra tal-SMEs li qed tappella sabiex il-kwarantina tinżel għal ħamest ijiem, hekk kif qed jipproponi ċ-Ċentru għall-Prevenzjoni tal-Mard tal-Istati Uniti. 

Il-Gvern diġà neħħa l-bżonn ta' kwarantina għal dawk li huma kuntatti sekondarji, filwaqt li kuntatti primarji u li ħadu l-booster issa jridu jagħmlu kwarantina ta' 10 ijiem, minflok 14. Dawk li huma pożittivi u anke dawk li ma ħadux il-booster jeħtieġ joqgħodu fi kwarantina ta' 14-il jum, f'kull każ. 

More in Politika