L-iskema ta' għajnuna mill-Gvern sabiex tixtri darek issa estiża għal dawk bejn 30 u 39 sena wkoll

Koppji u individwi li għandhom bejn it-30 sena u l-34 sena se jkunu eliġibbli jekk id-dħul tagħhom ma jaqbiżx il-€25,000, filwaqt li dawk bejn il-35 u d-39 sena jistgħu japplikaw jekk għandhom dħul massimu ta’ mhux aktar minn €30,000

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes, akkumpanjat mill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay u l-Kap Uffiċjal tal-Istrateġija tal-Bank APS Liana DeBattista ħabbru l-estensjoni tal-iskema ‘Equity Sharing’ għal individwi u koppji minn 30 sena ‘l fuq, hekk kif kien imħabbar fid-diskors tal-Baġit 2022. 

Din l-estenzjoni għall-iskema ‘Equity Sharing’, li ilha attiva mis-sena 2019, ser tkompli tkabbar fuq is-suċċess li diġá kisbet din l-inizjattiva, li s’issa wittiet it-triq biex mijiet ta’ persuni jsiru sidien ta’ djarhom fi sħubija mal-Gvern. Wara studju u riċerka intensiva tas-suq tal-proprjetà attwali, il-Ministeru ddeċieda li għandu jestendi l-applikabbilità ta’ din l-iskema għal persuni li għandhom ‘il fuq minn 30 sena, hekk kif sal-lum din hija miftuħa biss għal min ikun għalaq 40 sena. 

L-estensjoni tal-iskema ‘Equity Sharing’ ser tgħin individwi u koppji ta’ età iżgħar biex jaċċessaw is-suq tal-proprjetà billi tippermettilhom li jakkwistaw  proprjetà fi sħab mal-Gvern. Dan billi l-benefiċċjarji jiksbu self mill-bank sabiex ikopru s-sehem li jifilħu mill-proprjetà skont id-dħul u l-assi tagħhom, filwaqt li l-Awtorità tad-Djar tkopri l-parti l-oħra sa massimu ta’ nofs il-valur tal-proprjetà. 

Il-valur massimu tal-proprjetà li tista’ tinxtara permezz ta’ din l-iskema se jibqa’ ta’ €200,000 u l-benefiċċjarji jkunu mistennija li jkopru d-depożitu ta’ 10% li jitħallas mal-iffirmar tal-konvenju.  

Koppji u individwi li għandhom bejn it-30 sena u l-34 sena se jkunu eliġibbli għall-iskema, kif estiża, jekk id-dħul annwali tagħhom ma jaqbiżx il-€25,000, filwaqt li dawk bejn il-35 u d-39 sena jistgħu japplikaw jekk għandhom dħul massimu ta’ mhux aktar minn €30,000.   Sussegwentament, is-sehem tal-Gvern jinxtara lura mingħand il-benefiċjarji tal-iskema, fi żmien 20 sena. 

Il-Ministru Roderick Galdes iddeskriva l-inizjattiva bħala għodda importanti fil-qafas tal-housing affordabbli, li qed tgħin lill-familji Maltin jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom. Il-Ministru sostna li l-Gvern qiegħed għal darba oħra jaġixxi u jsib soluzzjonijiet fit-tul. "Kif tħabbar fil-baġit għal din is-sena lura f’Ottubru, qiegħdin nestendu l-iskema Equity Sharing għal persuni li għandhom minn 30 sena ‘l fuq. Dan se jkompli joffri għażla adegwata imma fuq kollox affordabbli, lil aktar żgħażagħ u familji fostna li jonqoshom biss ftit għajnuna biex ikomplu jibnu l-futur tagħhom fl-istabbiltà.”

Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar qal li kif is-sentejn li għaddew kienu mmarkati bir-riformi fil-qasam tal-kera u tal-akkomodazzjoni soċjali, "u din għandha tkun is-sena li fiha nindirizzaw l-isfida tal-affordabilità."

 

More in Politika