Il-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia timbotta għar-riforma li 'hija importanti daqs ir-riżultat tal-inkjesta'

Il-fondazzjoni tgħid li l-kumitat li jitwaqqaf biex jara li jiġu adottati r-riformi proposti mir-rapport tal-inkjesta għandu jkun magħmul minn membri li għandhom għarfien espert fir-rwol tal-ġurnaliżmu u l-libertà tal-istampa

Mill-arkivji: Il-familja ta' Daphne Caruana Galizia fi Brussell
Mill-arkivji: Il-familja ta' Daphne Caruana Galizia fi Brussell

"Hekk kif deħlin fil-ħames sena mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Malta m’għandhiex taħli aktar ħin fl-implimentazzjoni ta’ riformi li jipprevjenu mwiet fil-ġejjieni u jiżguraw li l-pajjiż jitqiegħed fit-triq it-tajba."

Dan kien il-kliem il-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia, hekk kif deħlin fl-għeluq il-ħames snin anniversarju mill-mewt tal-ġurnalista.

Fl-istqarrija, il-fondazzjoni tfakkar dwar ir-rapport tal-inkjesta pubblika dwar il-qtil tal-ġurnalista u kif jirrikonoxxi l-libertà tal-istampa bħala pilastru ta’ demokrazija moderna u l-ħtieġa li jinħoloq ambjent li jippermetti l-ġurnaliżmu indipendenti. "Jirrikonoxxi wkoll il-ħtieġa li jiġu indirizzati l-impunità, il-korruzzjoni, u l-abbuż tal-poter. Il-proċess ta' riforma huwa importanti daqs ir-riżultat tiegħu," qalet il-fondazzjoni.

L-istqarrija titkellem ukoll dwar Kumitat, l-istess Kumitat jew ieħor simili ġie propost mill-għaqda Repubblika.

F'Lulju Repubblika kienu pproponew li jitwaqqaf Kumitat inter-istituzzjonali bis-sehem tas-soċjetà ċivili biex jiddiskuti fid-detall u jara li jiġu adottati r-riformi proposti mir-rapport tal-inkjesta.

Għaldaqstant, iktar fuq dan ir-rigward ġie indirizzat fl-istqarrija li ħarġu l-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia. Hija issa qalet li l-Kumitat maħtur biex jiggwida l-proċess ta’ riforma għandu jkun magħmul minn membri li għandhom għarfien espert fir-rwol tal-ġurnaliżmu u l-libertà tal-istampa f’demokrazija, li jkunu imparzjali u indipendenti, u li jkollhom il-ħin biex jagħtu lill-ammont ta’ xogħol antiċipat.

Żiedet tgħid ukoll li "għandu jinħatar b'mod li jirrifletti l-prinċipji u l-għanijiet fundamentali tar-riforma. Kumitat mhux addattat jagħmel aktar ħsara milli ġid, u jbiegħed lil Malta saħansitra aktar mill-obbligi internazzjonali tagħha."

Intant, l-istarrija tiġbed l-attenzjoni wkoll dwar kif Malta hija soġġetta għall-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, għal rakkomandazzjonijiet u riżoluzzjonijiet adottati mill-Kunsill tal-Ewropa, inkluża r-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2016)4[1] dwar il-protezzjoni tal-ġurnaliżmu u s-sigurtà tal-ġurnalisti u atturi oħra tal-midja. Tkompli tgħid ukoll li Malta iffirmat din ir-rakkomandazzjoni f'April tal-2016 flimkien mar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-protezzjoni, is-sikurezza, u l-għoti tas-setgħa lill-ġurnalisti u professjonisti oħra tal-midja iżda għad trid timplimentahom.

"L-implimentazzjoni ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet u r-riżoluzzjonijiet bħala parti mill-proċess ta’ riforma usa’ tpoġġi lil Malta fit-triq it-tajba," qalet l-istqarrija tal-Fondazzjoni.

L-isqarrija temmet tgħid li "Malta trid toħroġ aktar b’saħħitha minn din il-kriżi. Dan se jseħħ biss permezz ta’ proċess ta’ riformi mwettqa b’integrità."

Tajjeb li nfakkru li l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ħabbar illi l-istess Oppożizzjoni se tkun qed tressaq abbozz li fih hemm elenku ta' atti sabiex - fi kliem Grech - jiġu rrispettati u mwettqin il-konklużjonijiet tal-inkjesta pubblika fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, fost oħrajn. 

More in Politika