Dawk li jirriżultaw pożittiv għall-Covid-19 mhux se jkunu qed jirċievu notifika separata dwar il-kwarantina. Minflok, il-messaġġ li jinfurmahom li huma pożittivi se jkun qed jgħid lilhom u anke lil dawk li jgħixu magħhom biex jagħmlu kwarantina.
Qalet dan is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci meta kienet qed twieġeb mistoqsijiet tal-qarrejja ta’ The Times of Malta.
Spjegat kif il-pazjenti u dawk li jgħixu magħhom, se jkunu jridu jikkalkulaw huma stess iż-żmien tal-kwarantina tagħhom skont is-sitwazzjoni tagħhom, fosthom jekk ħadux il-booster.
Din l-istess notifika, tista’ tintwera lil min iħaddihom. Il-ġurnata tat-test se tkun ikkunsidrata bħala l-ewwel ġurnata tal-kwarantina.
Intant, mit-Tnejn li għadda, il-perjodu tal-kwarantina tnaqqas minn 14 għal 10 ġranet. Dan jgħodd għal dawk pożittivi għall-virus u li jkunu ħadu l-booster. Biex joħorġu mill-kwarantina wara għaxart ijiem, ma jridx ikollhom sintomi fl-aħħar tlett ijiem.
Dawk li jgħixu ma’ persuni li joħorġu pożittivi, ukoll se jkunu jistgħu joħorġu mill-kwarantina wara għaxart ijiem, dejjem jekk huma u min ikun pożittiv, ikunu ħadu l-booster.
Jekk ma jkunux ħadu l-booster, kull min jgħix taħt l-istess saqaf, irid jagħmel kwarantina ta’ 14-il ġurnata.
Dawk li ma ħadux il-booster iridu jagħmlu awtomatikament kwarantina għal 14-il ġurnata.
Il-kuntatti primarji li jkollhom ċertifikat tal-vaċċin validu, jistgħu joħorġu mill-kwarantina sebat ijiem wara l-aħħar kuntatt mal-persuna pożittiva u wara li jagħmlu test rapidu li jirriżulta negattiv.
Kuntatti sekondarji, li jkunu ilhom erbatax-il ġurnata li ħadu l-booster, mhux se jkollhom bżonn jagħmlu kwarantina. Dawn jistgħu jkunu dawk li jgħixu fl-istess residenza ma’ persuni li kienu f’kuntatt dirett ma’ persuna pożittiva.