'Qed issir pressjoni biex l-ebda politiku Laburista ma jitressaq il-Qorti qabel l-elezzjoni' - Repubblika

Il-President ta’ Repubblika, Robert Aquilina qal dan waqt konferenza li matulha insista li l-Pulizija qed tibqa' tkaxkar sieqha fuq il-ftehim tal-Gvern mal-VGH

L-organizzazzjoni Repubblika qed tisħaq li għandha f’idha informazzjoni li qed issir pressjoni qawwija biex il-Pulizija ma tressaq quddiem il-Qorti lill-ebda politiku Laburista, anke dawk li ma għadhomx fil-Parlament, qabel l-Elezzjoni Ġenerali.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, li saret quddiem l-isptar San Luqa, il-President ta’ Repubblika, Robert Aquilina fakkar kif f’Mejju tal-2019 kienu resqu rikors ġuramentat quddiem il-Maġistrat tal-Għassa fejn talbu li ssir inkjesta maġisterjali dwar il-ftehim tal-Gvern mal-VGH għat-tmexxija tal-isptarijiet San Luqa, Karin Grech u dak ta’ Għawdex.

Fakkar li meta bdiet din l-inkjesta għaddew sentejn u tmien xhur. Fakkar ukoll li f’dan iż-żmien, il-midja mhux biss żvelat dettalji ġodda, imma anke l-Awditur Ġenerali ppubblika żewġ rapporti li fihom ċanfar u kkritika dan il-ftehim, l-aġir tal-Gvern u anke ta’ uffiċjali tal-Gvern, inkluż il-Ministru Konrad Mizzi. 

“Xahrejn ilu, sirna nafu wkoll li Joseph Muscat daħħal għexieren ta’ eluf ta’ ewro minn kumpanija fl-Iżvizzera li rċeviet miljuni ta’ ewro mill-ftehim korrott tat-tliet sptarijiet misruqa lill-poplu Malti u Għawdxi. Mill-evidenza li qrajna dwarha fit-Times toħroġ riħa qawwija ta’ ħasil ta’ flus,” insista Aquilina.

Kien hawn li saħaq li issa qed jistennew li wara aktar minn sentejn, din l-inkjesta tiġi fi tmiemha, filwaqt li kkritika lill-Pulizija, għax fi kliemu, quddiem dan kollu, qed tibqa’ ma tiħux passi.

“F’dawn il-jiem waslitilna informazzjoni li qed issir pressjoni politika qawwija biex il-pulizija ma tressaq il-Qorti lill-ebda politiku Laburist – tal-preżent jew tal-passat – fuq korruzzjoni qabel l-elezzjoni ġenerali,” inisista Aquilina waqt li saħaq li dan huwa skandlu fih innifsu.

Saħaq li l-ġustizzja ma għandha tħares lejn wiċċ ħadd, wisq inqas lejn “il-bżonnijiet partiġġjani ta’ xi partit jew ta’ xi politiċi.”

“Il-Kummissarju u d-Deputat Kummissarju m’għandhomx iċedu għal din il-pressjoni u, kif ilna ngħidulhom jagħmlu, għandhom iressqu lill-politiċi korrotti l-Qorti llum qabel għada,” temm jisħaq Aquilina.

More in Politika