Ġlieda għal aktar drittijiet tibqa’ prijorità, iżda x’hemm iktar jistenna lin-nisa fl-2022?

Minn dak li se jseħħ għall-ewwel darba s-sena d-dieħla, bħar-riforma: Bilanċ tal‑Ġeneru fil‑Parlament, għal dak li lanqas biss nafu jekk hux se jkun diskuss, bħal l-abort ... Il-gazzetta ILLUM tħares lejn dak kollu li n-nisa se jsibu ma wiċċhom fis-sena li ġejja 

Dawn l-aħħar sentejn kienu ta’ qtugħ ta’ nifs, bejn varjant u ieħor, bejn kriżi ekonomika wara l-oħra, l-isfidi li magħhom iħabbtu wiċċhom in-nisa baqgħu jiżdiedu, jigravaw u jinżlu l-isfel fil-lista ta’ prijoritajiet. Issa kellna wkoll il-femiċidju ta' Paulina Dembska. Pollakka li ġiet f'pajjiżna għall-futur aħjar iżda sfat vittma ta' omiċidju sempliċiment għax hija mara. Wasalna f’punt fejn mara se jkollha terġa’ tispjega għaliex dritt tagħha qed ikun imnaqqar fix-xejn.  

Min-naħa l-oħra, fl-2022 Malta għandha tistenniha waħda mill-iktar kwoti drastiċi li kellna fl-aħħar ftit snin, hawn nirreferu għall-kwota’ tal-ġeneru li minnha se jgawdu l-iktar in-nisa. Għandek ukoll mozzjonijiet li qed jokorbu għall-attenzjoni, imqar siegħa djalogu, bħal dawk tal-prostituzzjoni u l-abort. Allura minn fejn se nibdew? 

L-abort ... Marlene Farrugia lesta tiddiskutih, imma l-bqija tal-Parlament Malti qed jaħslu idejhom minnu 

Minn qatt kien jobsor li f’nofs il-ġenn tal-2021, se toħroġ Marlene Farrugia bil-mozzjoni li tipproponi l-iddikrimininalizzar tal-abort fil-Parlament? Ħadd! U bir-raġun, għax l-ebda Deputat ieħor ma kien lest jieħu pass kbir bħal dak. 

F’dak li qed tipproponi Farrugia, hi tgħid li l-assistenza medika biex isir abort ma tibqax kriminalizzata, jiġifieri l-ebda tabib jew professjonist m’għandu jiffaċċja proċeduri kriminali għall-assistenza medika lil persuna li tixtieq tagħmel l-abort. 

Sintendi kulħadd bir-rawgħa f’ħalqu, tefa’ din il-mozzjoni fil-kexxun, sakkru, u rema’ ċ-ċavetta. Iż-żewġ il-partiti l-kbar mal-ewwel farfru u l-President George Vella ħareġ b’idu fuq sidru jhedded li se jirriżenja jekk xi ħadd jippreżentalu l-liġi quddiemu. Min-naħa l-oħra l-Unjoni Ewropea ħarset lejn l-abort u d-drittijiet riproduttivi tan-nisa b’moħħ iktar miftuħ.  

“Dan jaf iwassal għal proċeduri illegali li jaf iġib riskji kbar fuq il-ħajja tal-mara,” kienet qalet Helena Dalli fid-diskors tagħha fil-Parlament Ewropew. Dakinhar ġie diskuss l-impatt ta’ miżuri u attakki fuq is-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, b’aċċenn partikolari fuq il-Polonja. 

Dlonk malli Dalli tkellmet, numru ta’ MEPs fakkruha li Malta tibqa’ l-uniku pajjiż fl-Unjoni Ewropea li tipprojbixxi l-abort f’kull ċirkostanza, anke jekk il-mara tkun fil-periklu li titlef ħajjitha. Fil-pajjiż, li sa ċertu punt mmotiva d-diskussjoni - il-Polonja - l-abort ukoll huwa permess, imma f’każijiet ta’ stupru, inċest jew meta tqala thedded il-ħajja tal-omm biss. 

Ħmistax wara ħareġ ir-rapport mħejji mill-Grupp tas-Soċjalisti fuq “Is-Saħħa u d-Drittijiet Sesswali u Riproduttivi” magħruf aħjar bħala r-rapport Matić. Fir-rapport, b'dispjaċir bosta MEPs kienu stqarrew li xi stati membri jippermettu lill-ħaddiema tas-saħħa, u anke istituzzjonijiet mediċi, jirrifjutaw dan is-servizz tas-saħħa minħabba l-hekk imsejħa ‘klawsola ta' kuxjenza’. Dan ifisser ċaħda tal-abort fuq il-bażi ta’ reliġjon jew kuxjenza u skont huma qiegħed ipoġġi ħajjet in-nisa fil-periklu. Botta diretta għall-Polonja imma wkoll għal Malta. 

Ir-rapport ta’ Fred Matić kien għadda b’378 vot favur, 255 kontra u 42 astensjonijiet u dan ifisser li Malta se jkollha ċċaqlaq xi ħaġa, jekk mhux l-abort, fuq drittijiet riproduttivi oħra. Tajjeb ngħidu li l-mozzjoni ta’ Marlene Farrugia għadha mdendla, u se tibqa’ hemm sat-tmiem ta’ din il-leġiżlatura, meta l-Parlament ixolji. Dan ifisser li sa dakinhar, għad hemm iċ-ċans, anke jekk remot ħafna,  li l-abort jiġi diskuss f’ġurnata alokkata għall-Oppożizzjoni. Ta min ifakkar li skont l-istatut tal-PN stess, dan il-partit huwa kontra l-abort u biex dan jinbiddel ikun jeħtieġ il-vot. 

It-taxxa tat-tampun ikkunsidrata mill-UE bħala vjolenza fuq in-nisa 

L-istess rapport ta’ Fred Matić, kien tkellem fuq numru ta’ drittijiet oħra ripproduttivi, fosthom il-morning after-pill u t-taxxa tat-tampun. Żewġ suġġetti li flimkien mat-taxxa r-roża, l-gazzetta ILLUM ilha ssegwi għal sena sħiħa. 

It-taxxa tat-tampun huwa terminu li jiġbor fih it-taxxa fuq tampuni, u prodotti oħra ta’ iġjene femminili li għadhom jiġu mniżżla bħala prodotti ta’ lussu’ anke hekk fil-veritȧ dawn huma ta’ neċċessità. F’Malta t-taxxa tat-tampun baqgħet ta’ 18%. Fil-fatt madwar sena ilu din il-gazzetta kienet irrapurtat kif mara f’Malta qed tħallas medja ta’ €378.24 f'taxxa tat-tampun.  

Fl-istess żmien il-gazzetta kienet tkellmet ma’ Rosianne Cutajar li b’rabja kienet qalet li ma tistax mara tibqa’ tħallas dawn il-flejjes kollha. Cutajar kienet ukoll żvelat mal-ILLUM li dwar dan is-suġġett il-Gvern qiegħed jirriċerka f’aktar dettall biex ikun jaf aktar dwar dan il fenomenu u x’effetti li qed jħalli lokalment. X’sar minnha din ir-riċerka ma nafux. 

Kif kien spjegat sew f’dak l-artiklu, mhux in-nisa kollha se joqgħodu jgħoddu ċ-ċenteżmi biex jaraw għandhomx biżżejjed għal prodotti essenjali ta’ iġjene. Għaldaqstant dawk li jgħixu fil-faqar, għalihom l-iġjene bażika ma tibqax neċċesità iżda ssir lussu. Dan kollu jaf iwassal għal faqar relatat mal-mestruwazzjoni, nisa li jsibu diffikultà għall-aċċess għal prodotti sanitarji u iġjeniċi. 

Matul din is-sena, numru ta' Membri Parlamentari Ewropej kienu talbu lill-istati membri jagħmlu użu mill-flessibilità introdotta fid-Direttiva tal-VAT u japplikaw eżenzjonijiet jew rati ta’ 0% tal-VAT għal dawn l-oġġetti bażiċi essenzjali. Huma talbu wkoll lill-pajjiżi tal-UE biex jindirizzaw il-faqar mestrwali billi jipprovdu prodotti tal-period bla ħlas lil kull min għandu bżonn. 

Fuq dan, sa issa, l-Gvern Malti għadu ma għamel xejn. It-taxxa tat-tampun hija sfida oħra li l-mara qed tistenna li tiġi indirizzata kemm jista’ jkun malajr. 

L-2022, se terġa tinsa’ lill-vittmi tal-prostituzzjoni? 

Lura f’lulju tal-2021, meta Owen Bonnici inħatar il-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, kienet reġgħet feġgħet, għal ftit jiem biss, il-kwistjoni tal-prostituzzjoni. 

Dak iż-żmien il-Koalizzjoni Maltija dwar ir-Riforma tal-Prostituzzjoni Maltija u t-Traffikar Uman, ħeġġitu jbiddel il-pożizzjoni tal-Gvern li jiddikriminalizza kemm il-prostituzzjoni u anke x-xiri tas-sess. 

Ftit żmien qabel il-gazzetta ILLUM kienet tkellmet ma’ voluntier f’Dar Hosea li kienet spjegat kif liġi bħal din,  jekk tgħaddi, “se tkun taqdi l-minoranza u tinjora l-maġġoranza.”  Dan kienet qalitu minħabba statistika mill-Assoċjazzjoni tal-Ugwaljanza f’Malta li kienet turi li 99% tal-prostituti f’Malta huma nisa filwaqt li l-maġġoranza tagħhom huma sfurzati fil-prostituzzjoni.  

Ma ninsewx ukoll li l-pandemija għal dawn in-nisa ġabet biss iktar abbuż, vjolenza kbira u ambjent iktar tossiku milli diġà kellhom.  

Il-Kumitat tal-Libertajiet Ċivili, Drittijiet tan-Nisa u Ugwaljanza tal-Ġeneru fil-Parlament Ewropew, kien tkellem ukoll fuq dan u żied jgħid li fil-każ ta’ restrizzjonijiet, vittmi tal-prostituzzjoni spiċċaw jiffaċċjaw faqar. Ġimgħa wara ġew implimentati direttivi sabiex l-Istati Membri jkollhom obbligu legali li jnaqqsu d-domanda għall-forom kollha ta' prostituzzjoni.  Sintendi dan ma jsirx billi l-Gvern jagħmel il-prostituzzjoni illegali u daqsekk.  

Fl-2022, għandna ċ-ċans ngħinu lil dawn il-vittmi. Għandna tkun ferm interessanti kif il-Gvern se jnaqqas id-domanda għal-prostituzzjoni. Dan filwaqt li jipproteġi lill-vittmi u joffrilhom protezzjoni u għajnuna bla preġudizzju. 

Iktar bilanċ bejn is-sessi fil-Parlament ... tajjeb jew ħażin? 

Rapport wara l-ieħor, kemm tal-Eurostat u anke tal-Istitut Ewropej għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneru (EIGE) poġġew lil Malta fost l-inqas pajjiżi li għandhom nisa parteċipattivi fil-politika u dan minkejja li f’Malta 60% tal-gradwati huma nisa.  

M’għandniex għalfejn nagħmlu artiklu ieħor dwar kemm hu importanti li ninnormalizzaw in-nisa fil-politika. Ovvjament mhux ngħidu li l-irġiel m’għandhomx dritt għall-opinjoni, iżda ma jistax ikun illi l-Parlament jiddiskuti suġġetti li jinvolvu prinċiparjament lin-nisa, bħall-abort, prostituzzjoni u t-taxxa r-roża meta fil-Parlament hemm biss 13% tad-deputati feminnili. 

Min-naħa l-oħra ma nistgħux nibqgħu kif aħna bħalissa, u ħadd ma jitkellem fuqhom għajr għal deputata waħda. Tħobbha jew tobodha, l-iktar deputata li kienet voċifera fuq dawn is-suġġetti kienet propju Rosianne Cutajar, li bis-saħħa tagħha mhux biss daħal dan il-mekkaniżmu iżda l-Parlament ddiskuta l-prostituzzjoni, il-kannabis, u – sa ċertu punt – l-abort.  

Il-mekkaniżmu jidħol fis-seħħ biss meta wieħed mis-sessi jikseb inqas minn 40% tas-siġġijiet parlamentari.  F’każ li jiġri hekk, dan il-mekkaniżmu jippermetti li jiżdiedu sa massimu ta’ 12-il siġġu addizzjonali, liema siġġijiet ikunu riservati għal kandidati mis-sess sotto-rappreżentat (bħalissa n-nisa). 

Riforma bħal din kienet bżonnjuża, anke jekk se tinħass qisha barmil silġ fil-kesħa ta’ Jannar. Miżura drastika li għalkemm mhux se ssolvi kollox, għandha tħalli l-frott. Il-pass li jmiss pero’ issa għandu jkun li l-Parlament ikun ambjent iktar attraenti biex taħdem mara fih. X’jiġifieri? 

Ġaladarba Malta għadha titfa’ r-responsabbiltà tal-ulied fuq l-omm, kif fil-Parlament m’hemmx child care? Għaliex fil-Parlament lanqas biss hemm nappy changers? “Nuqqas ta’ spazju,” jgħidulek. Anke l-ħinijiet innifishom tas-seduti, mhumiex ideali għal mara li qed tieħu ħsieb il-familja u fil-Kamra tar-Rappreżentanti t-tfal lanqas biss suppost jidħlu.  

Ma ninsewx ukoll li riforma bħal din, se tqajjem sfidi ġodda. Diġà smajna b’kandidati li waqt home visits qalu lin-nies, “la darba xorta se titla’ dik bla vot, mela għatih lili l-uno.” Appart illi dik li hi magħrufa bħala ‘l-kwotà tan-nisa’ qed taħdem biss għall-partiti l-kbar. 

Sa dan il-mument, Sandra Gauci, kandidata mal-ADPD, tibqa’ l-unika mara, li mhux mal-Partit Nazzjonalista jew Partit Laburista, u li tista’ titla’ biss fil-Parlament Malti bil-voti tan-nies. Gauci hija mara oħra magħrufa għal leħen voċiforu tagħha fuq bosta kwistjonijiet relatati man-nisa filwaqt li tikkritika kemm lill-Gvern u anke lill-Oppożizzjoni.  

Intant, se tkun interessanti, kif il-Gvern se jindirizza dawn l-problemi s-sena d-dieħla. Se tkun aktar interresanti kif lenti ta’ mara se taffettwa numru ta’ deċiżjonijiet meħudha mis-sena d-dieħla ‘l quddiem.

More in Politika