L-Ewropa tagħlaq is-sena bl-Omicron: Jingħafas iċ-ċinturin ma' min ma jridx jitlaqqam

L-Omicron mhuwiex qed iżid il-każi f'Malta biss imma qed ikun kaġun ta' żieda u rekords fil-każi f'ħafna mill-Ewropa. Il-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa lejn in-numri u r-restrizzjonijiet madwarna fl-aħħar ġimgħa tal-2021 

L-2021 għalaqniha nitkellmu fuq il-Covid-19 u l-2022 ftaħniha nitkellmu fuq l-istess ħaġa, proprju minħabba ż-żieda qawwija fil-każi tal-Omicron. F'dan l-ispazju l-gazzetta ILLUM qed tagħti ħarsa lejn is-sitwazzjoni madwarna f'termini ta' każi u anke restrizzjonijiet.  

Franza: Jekk bla ċertifikat lanqas croissant fil-Cafè ma tista' tieħu!  

Franza rat rekord ta' każi il-ġimgħa l-oħra b'208,000 każ ġdid f'24 siegħa bejn it-Tlieta u l-Erbgħa, wara li ġurnata qabel kienu rreġistrati 179,807 infezzjonijiet ġodda.  

Franza daħlet diversi miżuri, fosthom: Il-perjodu bejn l-ewwel u t-tieni doża tniżżlet għal tliet xhur, attivitajiet ġewwa kienu limitati għal 2,000 persuna u barra għal 5,000, barijiet u kafejiet jistgħu biss iservu klijenti li jkunu bilqiegħda mit-3 ta' Jannar, kunċerti bilwieqfa huma projbiti, filwaqt li persuni ma jistgħux jikkunsmaw ikel f'teatri, ċinemas, fuq it-trasport pubbliku u f'faċilitajiet sportivi. Persuni li jistgħu jaħdmu mid-dar għandhom jagħmlu dan għat-tliet ġimgħat li ġejjin, filwaqt li kull avveniment relatat mal-Ewwel tas-sena kien ikkanċellat.  

Id-diskoteki kienu ordnati jgħalqu għal erba' ġimgħat u din il-ġimgħa tħabbar li se jibqgħu magħluqin għal tliet ġimgħat oħra.  

Il-Gvern Franċiż qiegħed ukoll jippjana li jbiddel il-Health Pass għal Vaccine Pass - biex b'hekk - persuni li ma jkollhomx ċertifikat validu tal-vaċċin ma jkunux jistgħu jidħlu f'ristoranti, barijiet, teatri u postijiet oħrajn.  

L-Italja: Issikkar taċ-ċinturin għal min mhux imlaqqam u diskoteki bis-'Sorry we're closed' 

L-Italja wkoll kompliet tagħfas fuq dawk li ma ħadux il-vaċċin, hekk kif mhux qed tħalliehom jmorru fi spazji pubbliċi. L-Italja qed tobbliga wkoll lil kulħadd jilbes il-maskra fuq barra, filwaqt li l-attivitajiet kollha tal-Ewwel tas-Sena u d-diskoteki se jibqgħu magħluqin sal-31 ta' Jannar.  

Nhar il-Erbgħa li għadda l-Italja esperjenzat rekord ta' 98,030 każ ta' Covid-19, żieda ta' 25% f'ġurnata waħda biss.  

L-Italja ħarġet is-Super Health Pass li permezz tagħha trid turi li inti vvaċċinat biex tkun tista' tmur ristoranti, ċinema jew avvenimenti sportivi. L-Italja issa estendiet wkoll dan għall-ħaddiema fl-iskejjel, għal dawk kollha li jaħdmu fil-forzi tal-ordni kif ukoll dawk kollha li jaħdmu f'ambitu ta' kura u saħħa.  

Spanja: Tinżel tgħin l-armata u buenas noches fis-1:00 a.m. f'Barċellona! 

Spanja qed tara l-istess sitwazzjoni, b'214,619-il każ f'erbat ijiem bir-rata tkun 1,206 każi kull 100,000 resident Spanjol. Fl-agħar tal-pandemija qabel, ir-rata kienet ta' 900 każ għal kull 100,000 resident.  

Fil-kapitali Madrid l-ilbies tal-maskri reġa' sar mandatorju, filwaqt li l-Prim Ministru Pedro Sanchez offra li juża lill-armata sabiex tgħin lil reġjuni differenti fit-teħid tal-vaċċin.  

Fil-Katalunja, bil-Kapitali Barċellona u wieħed mill-aktar reġjuni b'popolazzjoni kbira fi Spanja (7.6 miljun), reġgħet ddaħlet curfew sas-1:00 a.m - għal ġimagħtejn fejn hemm iktar minn 250 każ għal kull 100,000 resident.  

Fost protesti, xi reġjuni għamlu ċ-ċertifikat tal-vaċċin obbligatorju biex tkun tista' tmur f'ristorant jew bar.  

Ir-Renju Unit: Idoqqu t-tokki tal-Big Ben u naraw minn hemm! 

Minkejja numri kbar li qabżu l-100,000 kuljum il-Gvern Ingliż qal li ma kienx se jdaħħal miżuri sal-aħħar tas-sena l-oħra. Is-Segretarju tas-Saħħa Sajid Javid qal illi ladarba tibda s-sena 2022 jerġa' jsir ri-eżaminazzjoni tas-sitwazzjoni.  

Aktar kmieni s-Sindku ta' Londra - l-aktar post fejn hemm imxija f'dan il-pajjiż - ħabbar li l-festi kollha tal-aħħar tas-sena huma kkanċellati!  

Fl-Iskozja, Wales u l-Irlanda ta' Fuq is-sitwazzjoni hija differenti hekk kif dawn imponew restrizzjonijiet fuq kafetteriji u pubs, fosthom b'distanzi soċjali u limiti fuq kemm jistgħu jiltaqgħu nies f'daqqa.  

Belġju: Reżistenza! 

Fil-Belġju wkoll nhar il-Ħadd li għadda daħlu fis-seħħ restrizzjonijiet ġodda li jaffetwaw ċinemas, ċentri tal-arti u swali tal-kunċerti. Iżda l-Gvern iffaċċja protesti minn uħud fid-dinja tal-arti, tant li xi swali u ċentri baqgħu miftuħin  

Protesti ġew organizzati l-għada tal-Milied wara dawn ir-restrizzjonijiet. Il-Gvern ġie kkritikat ukoll mill-Kunsill tal-Istat għax qies il-miżuri bħala mhux proporzjonati.  

Il-Greċja: Sejjer tara l-Acropolis? Test wara jumejn u ieħor wara erbat ijiem li tasal 

Fil-Greċja il-kunċerti tal-Milied kienu kkanċellati kollha, filwaqt li l-maskra trid tintlibes barra u fil-postijiet kollha pubbliċi.  

Dawk deħlin il-Greċja jridu jagħmlu testijiet oħrajn fit-tieni u r-raba' jum wara li jaslu l-Greċja. Il-Ministru tas-Saħħa Thanos Plevris qal li dawn il-miżuri huma ġustifikati hekk kif il-Milied iġib flimkien folol ta' nies.  

Miżuri oħrajn jinkludu l-użu ta' maskri ta' protezzjoni għolja f'supermarkets u trasport pubbliku, stabbilimenti ta' divertiment jridu jgħalqu f'nofs il-lejl, l-istadiums iridu jdaħħlu 10% inqas nies, filwaqt li viżitaturi se jitħallew jidħlu fi djar tal-anzjani biss jekk ikun sar PCR test li jirriżulta negattiv.  

Huwa qal li aktar minn hekk ma kinux se jsiru aktar restrizzjonijiet fl-2021.  

Dawk kollha li għandhom aktar minn 60 sena jridu bilfors jieħdu l-vaċċin sas-16 ta' Jannar u jekk ma jagħmlux dan jeħlu multa ta' €100.  

Ġermanja: Trid tara logħba futbol? Araha fuq it-TV! 

Fil-Ġermanja wkoll saru restrizzjonijiet fuq nies li jiltaqgħu flimkien fil-privat għal mhux aktar minn 10 minn  nies filwaqt li d-diskoteki ġew kollha magħluqin  qabel iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ewwel tas-sena.  

Avvenimenti kbar bħal logħob tal-futbol ma jistgħux jsiru b'udjenzi, filwaqt biex tidħol fi stabbilimenti li ma jbigħux prodotti essenzjali - allura mill-ġdid ristoranti, barijiet u aktar - trid turi l-prova ta' vaċċinazzjoni.  

Dawk deħlin mir-Renju Unit jeħtieġ juru test PCR negattiv li jkun sar mhux aktar minn 48 siegħa qabel, anke jekk ikun ħa l-vaċċin, filwaqt li xorta jagħmlu kwarntina ta' 14-il jum. L-istess dawk deħlin minn Franza u d-Danimarka. 

Portugall: Tista' tiċċelebra, imma bit-test negattiv! 

Il-Gvern tal-Portugall ħabbar restrizzjonijet ġodda, fosthom li x-xogħol mid-dar - għal dawk li jistgħu jagħmlu dan - huwa issa mandatorju,  filwaqt li l-barijiet u d-diskoteki ġew ordnati jgħalqu għall-Ewwel tas-Sena.    

In-nies jridu jkollhom test negattiv għall-virus sabiex ikunu jistgħu jidħlu f'teatri, tiġijiet u avvenimenti sportivi, filwaqt li dawk kollha li jridu jattendu ċelebrazzjonijiet tal-aħħar tas-sena jridu bilfors juru test negattiv.  

F'lejlet l-ewwel tas-sena, mhux aktar minn 10 persuni setgħu jinġabru  fit-toroq u jixorbu l-alkoħol flimkien.  

Il-Portugall, bħal Malta, għandha rata għolja ta' vaċċinazzjoni.  

Il-Prim Ministru Irlandiż Micheál Martin
Il-Prim Ministru Irlandiż Micheál Martin

Irlanda: L-aħħar Guiness fit-8 p.m! 

L-Irlanda wkoll imponiet curfew fuq il-pubs u r-ristoranti li jridu jgħalqu fit-8 p.m - allura fost l-aktar curfews stretti f'pajjiż fejn il-kultura tal-pubs hija waħda popolari ħafna. Attivitajiet fuq ġewwa huma ristretti wkoll.  

Mis-7 ta' Diċembru l-pajjiż kien diġà għalaq id-diskoteki filwaqt illi fil-pubs, ristoranti u lukandi reġgħet ġiet stabilita id-distanza soċjali.  

L-ispettaturi f'avvenimenti sportivi kellhom jitnaqqsu b'50%, filwaqt li l-Irlanda wkoll qed timponi l-użu tal-Health Pass biex wieħed jidħol fi stabbilimenti tad-divertiment.  

Il-miżuri se jibqgħu fis-seħħ sat-30 ta' Jannar 2022.  

L-Olanda: Lockdown! 

L-Olanda tinsab f'lockdown nazzjonali. Il-Prim Ministru Mark Rutte qal li dan il-lockdown kien pass li l-Gvern ma setax ma jiħux minħabba dik li sejjaħ "il-ħames mewġa tal-Omicron."  

L-aktar li kien hemm każi ta' Covid-19 kienet fost it-tfal 

Permezz ta' dan il-lockdown barijiet, ristoranti u postijiet  oħrajn jridu jgħalqu fil-5:00 p.m. Attivitajiet sportivi ma jistgħux jsiru bejn il-5:00 p.m u l-5:00 a.m u sports professjonali jista' jsir imma mingħajr spettaturi.  

Ċipru: Għadhom "komdi"! 

Wieħed jista' jgħid li sa issa Ċipru huwa fost l-aktar pajjiżi Ewropej li għadhom pjuttost "komdi" hekk kif ir-restrizzjonijiet li saru sa issa huma fuq turisti ingliżi deħlin fil-pajjiż.  

Minkejja li Ċipru qed tesperjenza żieda, fl-aħħar jiem tal-2021 dawn kienu qed ilaħħqu medja ta' 600 każ kuljum, li huwa ħafna inqas minn aktar minn 1,000 li kienu qed jiġu reġistrati f'Lulju li għadda! 

More in Politika