'Taħt il-PN drajna bi skola kull sena, taħt il-PL kellna ministru kull sena' - Clyde Puli

Minn botti għal proposti ... F'konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Kelliem għall-Edukazzjoni tal-PN Clyde Puli u l-kandidat Justin Schembri

F'konferenza tal-aħbarijiet mill-Partit Nazzjonalista, il-Kelliem għall-Edukazzjoni Clyde Puli, qal li "taħt il-Partit Nazzjonalista drajna b'skola kull sena, taħt il-Partit Laburista kellna Ministru għall-Edukazzjoni kull sena."

Dan intqal fid-dawl tal-ħatra tal-Ministru Clifton Grima, li ħa post Justyne Caruana, ħames t'ijiem wara li rriżenjat għat-tieni darba f'din il-leġiżlatura.

Puli, li kien akkumpanjat mill-kandidat Justin Schembri, insista li l-Gvern mhux qed japprezza biżżejjed l-importanza ta' Ministeru bħal dan. Semma wkoll riżultati,  "kawża tan-nuqqas ta' serjetà fit-tmexxija ta' dan il-Ministeru," fosthom il-fatt li Malta għad għandha waħda mill-ogħla rati ta' studenti li jitlqu mill-iskola qabel ma jagħlqu s-16-il sena.

"Minkejja li se jkollna r-raba' Ministru, dawn il-problemi kienu hemm u baqgħu hemm,' insista Clyde Puli.

Fl-aħħar tad-diskors tiegħu, il-Kelliem għall-Edukazzjoni, fakkar li "l-PN ilu dawn l-aħħar seba' snin joħroġ bi proposti validi li jistgħu jwasslu għal Strateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni." Hu temm billi spjega li għandna tkun nazzjonali mhux għax tindirizza lil kulħadd iżda wkoll għax strateġija bħal din għandha tkun imfassla minn djalogu ma' kulħadd inkluż l-għalliema, il-ġenituri, l-esperti u ħafna aktar.

"B'hekk ma jkollniex għalfejn inbiddlu l-pjan ma' kull Ministru li jinbidel, li b'din ir-rata' se tkun darba fis-sena," insista Clyde Puli

Il-proposti tal-PN u "l-kontroversja li daħal fiha Clifton Grima sena ilu" 

Min-naħa tiegħu, il-kandidat Justin Schembri, tkellem aktar fid-detall dwar il-proposti li l-PN ilu jitkellem dwarhom repetutament fl-aħħar snin. Filwaqt li elenka madwar seba' proposti, Schembri ħeġġeġ biex il-Ministru Clifton Grima jieħu dan f'konsiderazzjoni.

Il-proposti jinkludu; żieda fis-salarju tal-edukaturi kollha, mhux biss l-għalliema iżda dawk kollha li jagħtu l-kontribut tagħhom. Żieda wkoll fl-istipendju tal-istudenti f'korsijiet li jwasslu għall-edukazzjoni, b'tama li korsijiet bħal dawn ikunu aktar attraenti, u jwasslu għal żieda ta' żgħażagħ fis-settur. Schembri semma wkoll miżura ta' vouchers ta' €500 li jistgħu jissarfu minn studenti li jixtiequ jsiefru u jżuru pajjiżi oħra bi skopijiet edukattivi, anke fl-isports u l-kultura. Fl-aħħar huwa semma wkoll proposta ta' investiment infrastrutturali fl-iskejjel sabiex jilqgħu għall-kesħa u għas-sħana.

Minkejja dan Schembri ma baqax lura milli jfakkar "fil-kontroversja li sab ruħu fiha l-aħħar Ministru għall-Edukazzjoni, Clifton Grima."

Hawn hu kien qiegħed jirreferi għal dak li sena ilu kien meqjus bħala "l-kontroversja tax-Shooting Range f'ta' Kandja, is-Siġġiewi."

Il-Kandidat Justin Schembri talab lil Grima jwieġeb "għall-irregolaritajiet enfasizzati fir-rapport tal-Uffiċju Nazzjonali tal-Awditur (NAO), sabiex ma jtappanx il-kariga ġdida li għandu."

Il-mistoqsijiet elenkati minn Schembri huma dawn li ġejjin;

- Kif u għaliex, aktar minn nofs ix-xogħol ġie mgħoddi lil kuntrattur wieħed, b'59% tal-ispejjeż jmorru f’kumpanija waħda permezz ta' direct   orders?

- Kif u għaliex xogħlijiet li jammottaw għal madwar €14-il miljuni ma kinux koperti minn 'performance guarantee'?

- Kif u għaliex beda xogħol, li qabżu l-ispejjeż ta' żewġ miljuni, qabel ma ġie ffirmat ftehim ma’ Sport Malta?

- Kif u għaliex ma kienx hemm approvazzjoni mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet, sabiex ikunu koperti spejjeż żejda?

- Kif u għaliex l-NAO ma sabitx kollaborazzjoni u koperazzjoni biex tingħata dokumentazzjoni u informazzjoni meta kien qiegħed isir l-awditjar? 

- Kif u għaliex ma bdietx investigazzjoni mill-pulizija dwar użu ħazin ta’ fondi publiċċi?

'L-affarijiet għandhom ikunu ċari, kull ma nafu li ħa jibdew id-diskussjonijiet mal-Unions' - Clyde Puli

Il-Konferenza stampa intemmet bir-risposta ta' Puli għal mistoqsija dwar il-pożizzjoni tal-PN dwar il-każijiet alarmanti tal-Covid-19 u l-ftuħ potenzjali tal-iskejjel il-ġimgħa d-dieħla.

Fit-tweġiba tiegħu, Puli qal li l-PN għadu mhux lest jieħu deċiżjoni qabel ma jara l-istudji li saru s'issa dwar il-każi ġodda tal-Covid-19. Għaldaqstant Puli qal li jinsab ċert li l-edukaturi f'Malta għadhom mhumiex lesti, u li l-PN "jippretendi li sal-lum jkollna kollox ippreparat."

Puli temm il-konferenza billi qal li l-possibilità tal-għeluq jew il-ftuħ ta' skola fiżika tiddependi biss fuq l-istudji iżda "rridu nkunu lesti għall kull sitwazzjoni."

More in Politika