Clifton Grima jieħu post Justyne Caruana bħala Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport

Dan seħħ fid-dawl tal-ġrajjiet riċenti marbuta ma' Justyne Caruana li kellha tirriżenja għat-tieni darba f'din il-leġislatura

Dak li kien is-Segretarju Parlamentari għall-Isport, ir-Rikreazzjoni u l-Organizzazzjonijiet, Clifton Grima, issa inħatar bħala Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport. Dan seħħ fid-dawl tal-ġrajjiet riċenti marbuta ma' Justyne Caruana li kellha tirriżenja għat-tieni darba f'din il-leġislatura. 

Bejn Ġunju tal-2017 u Jannar tal-2020, Grima serva bħala Segretarju Parlamentari fil-Ministeru għall-Edukazzjoni, fejn kien responsabbli miż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Organizzazzjonijiet Volontarji. 

Intant il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-ħajja se jibqa’ jkollu r-responsabbiltà taż-żgħażagħ u l-għaqdiet volontarji, u se jkun iġib l-isem ta’ Ministeru għall-Inklużjoni, il-Kwalità tal-Ħajja u l-Organizzazzjonijiet Volontarji. 

Justyne Caruana infurmat lill-Prim Ministru Robert Abela bir-riżenja tagħha minn Ministru għall-Edukazzjoni nhar il-Erbgħa, 22 ta' Diċembru. Dakinhar stess il-Prim Ministru aċċetta din ir-riżenja bis-sorsi tas-sit illum.com.mt jgħidu li Abela ta lil Caruana għażla: "Jew il-poltika jew l-għarus!" Caruana għażlet li tirriżenja u ħabbret ukoll li mhux se tikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss, xi ħaġa li mistennija tiftaħ il-bibien beraħ għat-tielet Deputat Laburista fit-13-il Distrett, jekk fil-fatt jerġa' jintrebaħ mil-Labour. 

 

More in Politika