Il-PN jipproponi li titnaqqas għal 7% il-VAT imħallsa f'ristoranti u barijiet

Il-PN qed jipproponi wkoll li sa Marzu li ġej għandhom jitneħħew it-tariffi relatati mal-liċenzji tal-Awtoritá Maltija għat-Turiżmu 

Hekk kif in-numri tal-Covid-19 qed ikomplu jitilgħu u jiżdiedu - kemm f'Malta u anke fl-Ewropa kollha - il-Partit Nazzjonalista ppropona li l-VAT għar-ristoranti u bars tonqos għal 7% bħal fil-każ tal-lukandi. "Minħabba ż-żieda qawwija ta’ każijiet ta’ Covid-19 u anke fid-dawl tal-impatt li din iż-żieda qed iġġib fuq is-settur tal-catering u t-turiżmu, b’mijiet ta’ titjiriet imħassra fl-ewwel tliet xhur tas-sena li ġejja, il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-Gvern għandu jgħin lis-settur b’mod immedjat," sostna l-Kelliem tal-PN għat-Turiżmu Robert Arrigo.

Il-PN qed jipproponi wkoll li sa Marzu li ġej għandhom jitneħħew it-tariffi relatati mal-liċenzji tal-Awtoritá Maltija għat-Turiżmu u li l-Gvern għandu jintervjeni dwar iż-żieda fil-prezz tal-heating fuel oil, kif ifakkar li diġà wiegħed li se jagħmel. Il-PN ippropona mill-ġdid li il-Wage Supplement ikun estiż sal-aħħar ta' Marzu. 

Il-PM Robert Abela iktar kmieni dan ix-xahar ħabbar estensjoni tal-Wage Supplement - li tħallas sa massimu ta' €800 għal kull impjegat fl-aktar setturi milqutin ħażin mill-Covid-19 -  sal-aħħar ta' Jannar, għalkemm indika li jista' jkun hemm estensjonijiet oħrajn, skont il-bżonn. Il-Wage Supplement kienet stmata fil-baġit 2021 li tiswa' lill-pajjiż, madwar €40 miljun fix-xahar

Finalment il-PN qal li "jekk vera rridu nsalvaw dan is-settur fi żmien hekk diffiċli, il-Gvern għandu jagħti każ dawn il-proposti u jimplimentahom mill-aktar fis."

More in Politika