Il-PM Abela jħabbar li l-Gvern se jestendi l-Wage Supplement sal-aħħar ta' Jannar li ġej

... jgħid li s-sitwazzjoni se tibqa' tkun analizzata

Il-PM Robert Abela
Il-PM Robert Abela

Il-wage supplement kif inhu bħalissa se jkun estiż sal-aħħar ta’ Jannar 2022, bis-sitwazzjoni trid tibqa’ tkun analizzata kontinwament. Qal dan il-Prim Ministru Robert Abela meta kien mistoqsi dwar is-suġġett qabel laqgħat fi Brussell. Il-Wage Supplement hija miżura li permezz tagħha l-Gvern ħallas sa €800 fix-xahar lil eluf ta' ħaddiema li huma impjegati fl-aktar setturi li ntlaqtu mill-pandemija, primarjament dawk li jaħdmu f'lukandi, ristoranti u stabbilimenti tal-ikel u x-xorb, hairdressers u barbiera, aġenziji tal-ivvjaġġar, ħwienet tal-ħwejjeġ u aċċessorji u diversi tipi ta' negozji oħrajn. B'kollox din il-miżura - bil-għan li ma jitkeċċewx ħaddiema u jittaffa l-piż tal-pagi fuq mijiet ta' impjegaturi - ġiet tiswa' lill-pajjiż mal-€40 miljun fix-xahar.

Il-Prim Ministru Abela spjega li din l-estensjoni ta’ xahar kienet approvata mill-Kabinett wara li kien ikkunsidrat ix-xenarju internazzjonali u l-bżonn li nsostnu l-irkupru ta’ pajjiżna.

Il-Prim Ministru fakkar li l-gvern iħaddan il-prinċipju li ma jħallix in-nies waħedhom u kien għalhekk li fl-eqqel ta’ pandemija pajjiżna għandu l-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja.

More in Politika