‘Il-fatt li ma tneħħietx Justyne Caruana jitfa’ dell ikrah fuq pajjiżna’ - Cacopardo

L-ADPD qalet illi l-fatt li dan twettaq mill-Ministru responsabbli mill-Edukazzjoni ta’ wliedna, bil-kollaborazzjoni tal-ogħla kariga fi ħdan il-Ministeru, "iżid fil-gravità tal-każ"

Carmel Cacopardo
Carmel Cacopardo

L-ADPD fi stqarrija tisħaq li r-rapport ta’ 89 paġna li jinkludi x-xhieda mogħtija lill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika jagħti stampa ċara ta’ ksur ta’ etika mill-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana u dan fuq diversi livelli.

Il-Partit jgħid li anke jekk wieħed jillimita ruħu għal dak li ġara fi ħdan il-Ministeru “wieħed jikkonkludi illi mhux biss kienet il-Ministru responsabbli għal dak li twettaq imma s-Segretarju Permanenti Frank Fabri li approva dak li twettaq minkejja li jokkupa kariga li suppost tara li dawn l-abbużi ma jsirux. Mix-xhieda jirriżulta li kien hemm ukoll attentat ta' ħabi tal-provi li jagħmel dak li ġara iktar u iktar serju.” 

L-ADPD qalet illi l-fatt li dan twettaq mill-Ministru responsabbli mill-Edukazzjoni ta’ wliedna, bil-kollaborazzjoni tal-ogħla kariga fi ħdan il-Ministeru, "iżid fil-gravità tal-każ."

Fi stqarrija l-ADPD qalet illi hija tal-mistħija kif "la l-Prim Ministru u lanqas is-Segretarju Permanenti Ewlieni ma kienu kapaċi jieħdu azzjoni immedjata dwar każ li  hu ċar daqs il-kristall. Riżultat ta’ hekk iridu jġorru huma ukoll fuq spallejhom ir-responsabbiltà għal dan il-ħmieġ,” tgħid l-ADPD. 

Intant ċ-Chairperson tal-ADPD, Carmel Cacopardo temm jgħid li l-fatt li ġimgħa wara li ġew ikkonfermati l-abbużi ċari li twettqu fil-Ministeru għall-Edukazzjoni għadha ma ttieħdet l-ebda azzjoni fil-konfront ta’ dawk involuti "jkompli jitfa’ dell ikrah fuq l-amministrazzjoni pubblika ta’ pajjiżna.” 

'Il-Ministru qed tiffoka fuqha nnifisha minflok fuq l-għalliema u l-istudenti' - Clyde Puli

"Għax il-Ministru tal-Edukazzjoni qed tiffoka biss fuqha nnifisha, l-edukaturi, l-għalliema u l-istudenti qed jitħallew waħedhom." Hekk qal waqt konferenza tal-Aħbarijiet il-Kelliem għall-Edukazzjoni tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli, kif ukoll minn żewġ Kandidati għall-elezzjoni ġenerali li ġejja Stefan Caruana u Julie Zahra, ġimgħa wara li l-Kummissarju għall-Istandards sab lil Ministru Justyne Caruana li kisret il-kodiċi ta’ etika.

Clyde Puli qal li quddiem ir-rapport tal-Kummissarju dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika pajjiżna għandu jara li jittieħdu l-passi meħtieġa, iżda wkoll li nimxu ‘l quddiem. Kompla li l-Prim Ministru jrid iżomm f’moħħu li bid-deċiżjoni jekk ineħħihiex jew iżommhiex fil-kariga lil Caruana, ikun qed jaffettwa l-edukazzjoni ta’ ulied il-poplu.

Fost l-oħrajn, hu staqsa jekk fil-Ministeru hemmx sinerġija fit-tmexxija dwar l-isfidi li qed iġġib magħha l-pandemija, kif ukoll kif beħsiebu jindirizza sfidi bħal tal-early school leaving, is-sigurtà fl-iskejjel u l-fatt li hemm studenti li għadhom mhux attrezzati - almenu bil-bażiku - tat-teknoloġija meħtieġa.

More in Politika