Il-Gvern qed jaħdem fuq liġi ġdida tal-qbiela biex bdiewa ma jibqgħux jiġu żgumbrati

Il-gazzetta ILLUM tista’ tiżvela li bħalissa għaddejja ħidma fuq liġi li tgħin bdiewa li għadhom iħallsu qbiela sabiex ma jibqgħux jiġu żgumbrati mill-art agrikola tagħhom.  

Din il-gazzetta tista’ tiżvela illi bħalissa l-Gvern qed jaħdem fuq il-liġi ġdida tal-qbiela, hekk kif bdiewa qed jispiċċaw jitkeċċew mill-art agrikola li jaħdmu mis-sidien tal-art, li ħafna drabi jkunu jridu ħlasijiet ħafna ogħla. 

Fil-fatt il-Ministru Anton Refalo kkonferma dan mal-ILLUM filwaqt li żied jgħid li l-liġi se tkun qed tirrispetta l-Kostituzzjoni ta’ Malta. Jgħid ukoll li din hi kwistjoni li ħadd ma ried illi jsolvi u li ilha ġejja snin twal iżda “se jkun dan il-Gvern li jsolviha.” 

Minn sena ilu bdejna nisimgħu bil-kontroversja tal-qbiela. Iktar kemm beda’ joqrob il-baġit, u imbagħad l-elezzjoni, iktar bdejna nisimgħu bil-qbiela. L-ewwel iċaqlaq partit u imbagħad tħarrek l-ieħor. 

Minn Novembru tas-sena l-oħra ‘l hawn rajna fil-Qorti ta’ Malta 60 każ separat kontra l-bdiewa Maltin li jekk jinqatgħu kontrihom se jitkeċċew minn l-art agrikola li qegħdin jaħdmu fiha.  

Bħalissa f’Malta diġà teżisti liġi rigward il-qbiela, li tpoġġi l-interessi tal-bidwi fuq quddiem imma li sidien tal-artijiet issa qed jisfidaw, b’każ wieħed ta’ suċċess (Aqra iktar ‘il quddiem fl-artiklu). Minkejja din il-liġi, il-bdiewa bdew isibu ruħhom barra mill-art agrikola li jaħdmu. 

Il-Ministru Refalo spjega lill-gazzetta ILLUM li ma jistax jingħata sussidju f’dan il-każ, bħal fil-każ tal-kirjiet l-antiki, minħabba li l-Unjoni Ewropea ma tippermettix għajnuna forma ta’ ‘State Aid’ sakemm mhux approvat min-naħa tagħha. Kien għalhekk li bħala alternattiva, Refalo beda’ jaħdem fuq liġi simili għal dik ta’ Franza. 

Kronoloġija Legali tal-qbiela f’Malta  

Fil-verità din il-liġi mhux se tkun qed tolqot lill-bidwi biss, anzi l-kwistjoni tal-qbiela ħalliet effett fuq il-konsumatur ukoll, inkluż lilek. Il-gazzetta ILLUM daret fuq il-koordinatur tal-Għaqda Bdiewa Attivi, Malcolm Borg, u staqsietu dwar il-kronoloġija legali tal-qbiela f’Malta u ħafna iktar. 

Malcolm Borg - Koordinatur ta' Għaqda Bdiewa Attivi
Malcolm Borg - Koordinatur ta' Għaqda Bdiewa Attivi

Raba’ mqabbel, frank u tas-sinjur ...  

Il-pussess tar-raba’ f’Malta tinqasam fi tlett kategoriji. L-ewwel issib l-art tal-Gvern li Malcolm Borg sejjaħ bħala “mqabbel.” F’dan il-każ, il-bidwi jaħdem art li qiegħed jikri mingħand il-Gvern. Wara insibu “r-raba’ frank.” Dan it-tip ta’ raba’ ikun mixtri mill-bdiewa, huwa msejjaħ frank għax m’hemmx qbiela, u l-bidwi hu s-sid ta’ artu. Fl-aħħar insibu l-imbierka qbiela. Borg jgħidilna kif f’Malta hawn ammont sostanzjali ta’ art f’idejn is-sidien li imbgħad tiġi maħduma mill-bdiewa bi qbiela bħala ħlas. 

Dawn l-artijiet huma magħrufa bħala “Tas-Sinjur”.  Dan għaliex fl-antik kien ikollok ġeneralment baruni li ‘jikri’ artu lill-bidwi u dan jaħdimha. Din is-sistema għadha għaddejja sal-ġurnata sagrosanta tal-lum. Hija wkoll tradizzjoni li l-qbiela titħallas f’jum Santa Marija, nhar il-15 ta’ Awwissu. 

Il-liġi dejjem favur il-bidwi, x’inbiddel? 

Issa numru ta' snin ilu, il-Gvern kien għamel liġi biex jipproteġi l-bdiewa. Il-liġi kienet tgħid li s-sid ma jistax ikeċċi lill-bidwi diment li ma jkunx hemm prova li s-sid għandu bżonnha aktar mill-bidwi. Fil-fatt kien hemm każijiet fil-passat, fejn sid prova jkeċċi lill-bidwi imma meta l-Qorti rat li l-bidwi għandu bżonnha aktar mis-sid, il-Qorti qatata favur il-bidwi.  

Il-liġi kienet tgħid ukoll li l-qbiela ma tistax togħla. Dan biex tippreveni li s-sid iqum għodwa waħda u jiddeċiedi li jrid jgħolli l-prezz sabiex ikeċċi b’mod indirett lill-bidwi. Fl-aħħar il-liġi kienet tgħid ukoll li l-qbiela tintiret. Il-bidwi kellu d-dritt li din il-kirja, jgħaddiha lit-tifel jew lit-tifla tiegħu.  

“Dan kollu kien qafas legali b’saħħtu biex jipproteġi lill-bidwi,” sostna Borg. 

Minn Novembru tas-sena l-oħra ‘l hawn rajna fil-Qorti ta’ Malta 60 każ separat kontra l-bdiewa Maltin li jekk jinqatgħu kontrihom se jitkeċċew minn l-art agrikola li qegħdin jaħdmu fiha. Imma kif issa? Għaliex kellha tkun l-2020 biex xi ħadd jiddeċiedi li jaqla’ dan il-kaos kollu?  

F’Novembru li għadda, sena ilu eżatt, inqgħatet kawża kostituzzjonali. Bażikament din il-kawża kien fetaħa sid ta’ art f’Ħaż-Żabbar, mhux kontra l-bidwi imma kontra l-Gvern u kontra l-Avukat Ġenerali. Is-sid argumenta li din il-liġi li spjegajna, tmur kontra l-Kostituzzjoni. Argumenta li din il-liġi tmur kontra d-dritt tas-sid li jgawdi l-proprjetà tiegħu.  

Meta infetħet il-kawża, is-sid kien rebaħ, bil-Qorti Ċivili tgħid li l-liġi kienet qed tikser id-dritt fundamentali tas-sid u fil-fatt ingħata kumpens ta’ €100,000. L-Avukat Ġenerali appella u minkejja li reġa’ tilef il-każ, il-kumpens niżel għal €22,000.  

Wara li s-sid rebaħ il-kawża lil Gvern fetaħ kawża separata lill-bidwi quddiem dak li jgħidulu l-Bord tal-Qbiela. Il-koordinatur tal-Għaqda Bdiewa Attivi spjega li dan huwa bord taħt tmexxija ta’ Maġistrat u numru ta’ membri li jiddeċiedu fuq każijiet li għandhom x’jaqsmu mal-qbiela. Is-sid kien rebaħ din il-kawża wkoll u l-Qorti żgumbrat lill-bidwi. Huwa tkeċċa f’Lulju ta’ din is-sena eżatt malli nqatgħet is-sentenza. 

Hawnekk l-Għaqda, tkellmet mal-bidwi u staqsietu jekk hux se jkun qed jappella l-każ. Il-bidwi wieġeb, “la għandi l-enerġija u lanqas il-flus.” Kien għalhekk li l-Għaqda appellat f’ismu, bis-sentenza mistennija tinqata’ f’Marzu tas-sena li ġejja. 

Dan kien każ uniku, l-ewwel każ ta’ dan it-tip. Qabel, il-liġi dejjem ipproteġiet lill-bidwi, dejjem rat li l-għalqa agrikola tibqa’ tinħadem. Sintendi malli sidien oħra raw dan kollu, bosta tħajru u f’temp ta’ sena daħlu l-Qorti 60 każ. Il-każijiet għadhom ma inqatgħux sa issa. 

Il-bidwi jaħdem biex jgħix imma mhux biex jagħmel profitt – Ix-xena tal-biedja fi Franza kkumparata ma’ Malta 

Meta tqabbel l-​istorja tal-​agrikoltura matul u immedjatament wara l-​Gwerer Napoleoniċi maʼ dik tal-​perjodu tat-Tieni Gwerra Dinjija, tinduna li l-isfidi huma ferm simili ma’ dawk li qed jesperjenzaw il-bdiewa Maltin bħalissa. 

Hemm koinċidenza bejn il-kompetituri tal-prodott barrani, il-prezzijiet m’għola smewwiet u l-pandemija nnifisha li dak iż-żmien kienet propju l-gwerra. Bħal Malta, dak iż-żmien Franza kienet nieqsa ​​minn riżorsi naturali, li kienu jħallu impatt qawwi fuq il-prezzijiet. Fost dak in-nuqqas ta’ riżorsi, kien hemm in-nuqqas tal-art agrikola.  

L-istess f’Malta, bejn għal infrastruttura, bejn għal żvilupp u bejn l-użu tal-art agrikola għal użu rekreazzjonali, l-art agrikola li tinħadem qed tisparixxi quddiem għajnejna. Is-sidien min-naħa l-oħra xi drabi ma tagħtihomx tort, iżda l-prezzijiet drastiċi li qed jintalbu għall-art agrikola ukoll mhux tgħin lil bidwi jkompli jaħdem. Xi drabi d-dejn fiss li jidħol fih il-bidwi huwa tqil wisq. 

Kien ġie innotat, bħal ma hu l-każ f’Malta, li l-bidwi beda’jaħdem biex jgħix minflok jaħdem biex jagħmel profitt. 

X’tgħid il-liġi Franċiża? 

Kellha tkun it-Tieni Gwerra Dinjija li tagħti aktar drittijiet lill-bidwi Franċiż fil-fatt sa nofs is-seklu 20, is-sid kellu poter fuq il-bidwi. 

L-ewwelnett, bħalma aħna għandha il-Kostituzzjoni ta’ Malta, Franza għandhom il-Kodiċi Napoleoniku. Dan hu uffiċjalment il-Kodiċi Ċivili Franċiż, stabbilit taħt il-Konsulat Franċiż fl-1804, u għadu fis-seħħ sal-ġurnata tal-lum.  

Approvat u iffirmat minn Napuljun Bonaparti nnifsu, dan il-kodiċi kien uġigħ ta’ ras kbira mhux biss għal bdiewa iżda wkoll għan-nisa, tfal, nies vulnerabbli u nies foqra. Dan għaliex kien miktub bl-għan li jagħti saħħa lir-raġel sinjur. Sintendi din ma kinitx tirrifletti tajjeb fuq il-bdiewa. Il-liġi tal-agrikoltura fi Franza kienet prinċiparjament inbiddlet sabiex il-Gvern jinkoraġġixxi l-iżvilupp tas-settur agrikolu, b’mod speċjali l-bdiewa, mhux ir-raħħala.  

Tajjeb li ninotaw differenza waħda bejn Malta u Franza. Ġie innotat minn riċerkaturi Franċiżi li fin-Nofsinhar ta’ Franza, reġjuni bħal Occitanie, hemm iktar raba frank, maħdum mis-sid stess. Min-naħa l-oħra fit-Tramuntana ta’ Franza, f’reġjuni bħal Pays de la Loire,  hemm raba maħdum bil-qbiela. F’Malta pero’, bħal ma diġà spjega sew Malcolm Borg, għandna romniet sħaħ ta’ raba bil-qbiela.  

Implimentata fl-1945, il-Code Rural a bail hu mibni fuq erba’ prinċipji. 

  • Il-bidwi huwa garantit aċċess għall-art fit-tul 

  • Il-livell ta' dħul huwa kkontrollat mill-Istat 

  • Poltika speċifika fil-każ ta’ kunflitti. 

  • Ħidma flimkien ma' Ministeri u politiki oħra fosthom dawk ta’ żvilupp u infrastruttura 

Skont din il-liġi, il-kuntratti jistgħu jsiru kemm bil-miktub jew verbalment. Il-perjodu minimu ta’ snin li bidwi jikri l-art bil-qbiela mis-sid hu ta’ disa' snin iżda perjodu ta’ 18-il sena u 25 sena huma aċċettati bil-liġi wkoll. L-aħħar għażla hi li bidwi jikri l-art għal-istess ammont ta’ snin li għandu biex jirtira. Eżempju jekk għad baqgħalu 36 sena biex jirtira, il-kuntratt isir għal 36 sena. 

Jekk il-bidwi imut qabel ma jagħlaq il-kuntratt, l-art tmur għand l-eredi. Fil-każ li l-bidwi jagħmel xi żviluppi li jtejbu l-valur tal-art, is-sid irid jagħti kumpens lill-bidwi.  

Min-naħa l-oħra, jekk malli jagħlaq il-kuntratt, is-sid jagħżel li ma jġeddidx il-kuntratt sabiex ibigħha, ix-xerrej irid ikollu esperjenza ta’ aktar minn tlett snin fil-biedja.  

X’effetti ħalliet din il-liġi? 

Il-politika tal-biedja bil-qbiela fi Spanja, li kienet inspirata minn dak li ġara fi Franza, kellha effetti differenti ħafna. Is-sidien tal-art irreaġixxew billi rrifjutaw li jagħtu l-artijiet tagħhom biex jinħadmu minn ħaddieħor.  

Minħabba dan, l-aċċess għall-art huwa saħansitra aktar diffiċli minn qatt qabel, speċjalment għall-bdiewa ġodda. Id-dgħjufija relattiva tal-organizzazzjonijiet tal-bdiewa Spanjoli meta mqabbla mal-organizzazzjonijiet agrikoli Franċiżi hija x'aktarx waħda mir-raġunijiet li tispjega dan in-nuqqas relattiv. Numru ta’ bdiewa Franċiżi jisħqu li l-implimentazzjoni tal-liġi agrikola fi Franza kienet biss possibbli grazzi għal pressjoni li saret minn għaqdiet tal-bdiewa.  

Intant, wieħed mill-effetti sekondarji li ħalliet il-liġi Franċiża hu li fiż-żmien it-80ijiet ġiet inutata żieda qawwija fil-produzzjoni ta’ prodotti agrikoli. Din waslet għal kriżi kronika ta' produzzjoni żejda li intremiet u ħalliet effetti negattivi fuq l-ambjent.  

Dan ġie solvut iktar tard grazzi għall-esportazzjoni, li iktar tard fid-90ijiet provdiet ukoll lil bdiewa b’ħafna aktar profitt.  

More in Politika