'Tiffirmax il-liġi tal-kannabis' - L-infermiera jappellaw lill-President

L-MUMN saħqet li l-liġi ma tipprovdix biżżejjed protezzjoni għall-pazjenti u l-anzjani

Il-Unjin tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) qed jappellaw lill-President ta’ Malta biex ma jiffirmax il-Liġi dwar il-Kannabis għax fi kliemhom din ma tindirizzax biżżejjed is-sigurtà tal-pazjent fl-isptar u anke f’residenzi tal-anzjani.

Fi stqarrija, l-MUMN qalet li tobba, infermiera u saħanistra carers jistgħu jkunu taħt l-effett tal-kannabis meta jkunu qed jieħdu ħsieb lill-pazjenti u l-anzjani.

Propju għalhekk li l-MUMN qed tisħaq li l-liġi ma tindirizzax biżżejjed dan is-settur sensittiv u qed tinsisti li dan ipoġġi piż żejjed fuq it-tmexxija ta’ kwalunke sptar jew residenza meta tiġi biex tieħu azzjoni kontra professjonisti li jonqsu f’xogħolhom minħabba li jkunu taħt l-effett tal-kannabis.

L-MUMN saħqet li d-dritt li persuna tpejjep il-kannabis, anke jekk fid-dar tagħha stess, ma għandux isir bid-dettriment ta’ pazjenti vulnerabbli. 

Insistiet li kull sptar jew residenza għandu jkollha dritt li tagħmel testijiet lill-impjegati tagħha biex tkun ċerta li dawn ma jkunux taħt l-influwenza tal-kannabis, droga jew alkoħol.

“Żball malajr isir taħt l-influwenza tal-kannabis u dan jista’ jirriżulta fl-amministrazzjoni ta’ mediċina ħażina. Għalhekk, kull tmexxija ta’ sptar għadnu jkollha d-dritt li twaqqaf kull impjegat, speċjalment dawk li jkollhom kuntatt dirett mal-pazjenti, jekk jirriżulta li jkun taħt l-effett ta’ sustanza, irrispettivament mil-liġi li tillegalizza l-kannabis,” insista.

L-infermiera saħqu li l-liġi għandha dejjem tipproteġi l-pazjenti u fi kliemhom, l-abbozz kif inhu bħalissa, ma jirrispettax lill-pazjenti.

“Dan se jirriżulta f’irresponsabbilità fil-konfront tal-pazjenti li jkunu fdaw ħajjithom f’idejn il-professjonisti,” insistiet l-MUMN.

Propju għalhekk li appellat lill-President, biex bħala tabib ma jiffirmax din il-liġi qabel ikun hemm biżżejjed protezzjoni għall-pazjenti u l-anzjani.

“Il-President ta’ Malta għandu jissalvagwardja l-interess tal-pazjenti u l-anzjani,” temmet tgħid l-istqarrija. 

More in Politika