Seba' snin jibagħat ittri ta' mibgħeda u theddid lil Deputati u attivisti inkluż l-aħwa Aquilina

L-ittri kienu dejjem miktuba bil-kompjuter iżda l-indirizz fuq l-envelops kien ikun miktub bl-idejn. Kien il-mod kif l-akkużat jikteb l-ittra 'A' li wassal biex jinqabad mill-pulizija.

Id-Deputat Nazzjonalista, kif ukoll l-avukat tal-familja Caruana Galizia, Jason Azzopardi, kmieni dalgħodu xehed dwar l-impatt psikoloġiku li ħallew fuqu numru ta' ittri anonimi li intbagħtu lilu fuq bażi regolari, għal seba' snin sħaħ. Dan wassal biex il-Qorti tiċħad it-tieni talba għal-libertà proviżorja mill-akkużat.

Fil-Qorti instegħma kif raġel ta' 71 sena mill-Belt Valletta bagħat "ittri ta' valenu" fir-residenzi privati ​​tad-Deputati tal-Oppożizzjoni Beppe Fenech Adami, Jason Azzopardi u Ryan Callus, il-President tar-Repubblika Robert Aquilina, kif ukoll lil Professur Kevin Cassar.

Huwa kien akkużat ukoll mill-Ispetturi li hedded u insulta lill-aħwa Karol u Robert Aquilina. Barra minn hekk, l-akkużat instab mixli li ta fastidju u hedded lill-Membri Parlamentari waqt il-qadi ta’ dmirijiethom filwaqt li ta fastidju lill-Professur Cassar u lil martu.

Jason Azzopardi, rrakonta quddiem il-Qorti, kif l-ittri anonimi bdew fl-2014, b'mod regolari u b’kaligrafija distintiva fuq l-envelops, kemm id-dar kif ukoll fil-parlament. Tant beda' jirċievi ittri li saret kważi ċajta bejn il-kolleggi ta' Azzopardi.

 “Kienet ċajta mal-kollegi tiegħi, ‘ghandi Santa oħra konna ngħidu", qal Azzopardi lill-Maġistrat.

Azzopardi qal li l-ittri kienu jaslu f’intervalli regolari ta’ 3 xhur u dejjem kienu miktubin bil-kompjuter. Intant l-indirizz fuq l-envelop ikun miktub bl-idejn. Żied jgħid li l-aktar weġġa’, bl-insulti dwar il-ġenituri tiegħu, li huma mejtin u li fuq kollox ma kellhom ebda involviment fil-ħajja politika tiegħu.

“Lil din il-persuna, ma nafhiex minn Adam, imma kien evidenti li l-kitba tiegħu li kienet tassorbi l-propaganda mill-istazzjonijiet tal-midja Laburisti u trolls online. L-ammont ta’ gideb, imtenni f’dawn l-ittri, kien xokkanti,” qal Azzopardi.

Azzopardi kien tkellem mal-pulizija dwar l-ittri u qal li kien jaf li ma kienx waħdu li rċevihom, kollha b’mod distintiv ħafna ta’ kif tikteb l-ittra ‘A’ fuq l-envelops. Kienet dik l-ittra 'A' li wasslet il-Pulizija għand l-akkużant.

 

Azzopardi temm jgħid li huwa kient kellem ukoll mad-Deputat Laburista Lino Spiteri, li kien tah parir biex ma jżommx l-ittri anonimi li jirċievi, għax inkella se jkomplu jweġġgħuh. Huwa kien segwa dak il-parir. 

Għaldaqstant is-sieħba ta’ Azzopardi, kienet irċeviet tliet ittri bħal dawn f’darha, li insultaw lilha, lill-ġenituri u ħutha, u wrew li l-kittieb kien jaf il-movimenti tagħhom. Għalkemm kien ikkonvinċiha biex tarmi tnejn minnhom, hija kienet żammet it-tielet waħda, li ngħatat lill-pulizija.

 

More in Politika