'L-appell qiegħed idum ikarkar biex ix-xogħlijiet jkomplu jsiru'

Il-Kunsill Lokali tal-Qala jilmenta dwar żvilupp li għaddej fil-lokalità mill-kuntrattur Għawdxi Joseph Portelli

"Il-Kunsill Lokali tal-Qala se joġġezzjona għall-applikazzjoni biex jiġu sanzjonati xogħlijiet waqt li għadu għaddej l-appell." 

Dan intqal mill-Kunsill Lokali stess permezz ta' stqarrija li fiha s-Sindku Paul Buttigieg talab għal sostenn mill-awtoritajiet sabiex ma jitħallewx isiru xogħlijiet waqt li l-appell għadu għaddej.

Il-Kunsill qal li se jibqa' jippersisti bil-ġlieda. Dan filwaqt li stqarrew li l-Kunsill mhux ħa jaqta' qalbu biex "iwaqqaf dawn il-permessi massiċċi li qed jeqirdu l-lokalità."

L-istqarrija tgħid ukoll li l-Kunsill jaraha inġusta li "l-appell idum ikarkar filwaqt li x-xogħlijiet jkomplu jsiru." Intant il-Kunsill temm jispjega li b'dan ir-raġunament "it-tribunal bilfors ħa jsibha diffiċli irreġġa l-iżvilupp lura u dan mhux aċċettabbli."

Din mhux l-ewwel darba li l-Kunsill Lokali tal-Qala u l-iżviluppatur Joseph Portelli sabu ruħhom f'ġlieda legali kontra xulxin. Bħal-lum sena, il-gazzetta ILLUM kienet tkelmet mal-istess Sindku, is-Sindku Laburista Paul Buttigieg, rigward kwistjoni oħra fil-Qala. 

Li ġara dakinhar kien li l-kuntrattur Għawdxi Joseph Portelli, magħruf ukoll għal-binja ta' Mercury Tower f'San Ġiljan, spiċċa f'nofs kontroversja dwar permess mogħti fil-Qala biex kamra żgħira u abbandunata f'ODZ issir villa.

More in Politika