Tweġiba għal Borg: 'Hija biss skuża meta nwaħħlu fit-tibdil tal-klima ... ħafna ilhom iwissu'

Iċ-Chairperson tal-ADPD, Carmel Cacopardo jgħid li 'mhux it-temp li jgħerreq it-toroq tagħna imma nuqqas ta’ immaniġġjar tar-riżorsa tal-ilma fuq medda ta’ snin.'

Ilbieraħ, il-Ministru għat-Transport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali, Ian Borg, weħħel fit-tibdil tal-klima meta mistoqsi dwar il-maltemp li ħakem il-gżejjer Maltin din il-ġimgħa

Fi tweġiba għal dan, iċ-Chairperson ta' ADPD, Carmel Cacopardo, qal li "hija biss skuża li issa nibdew inwaħħlu fit-tibdil tal-klima meta ħafna organizzazzjonijiet internazzjonali kif ukoll lokali ilhom iwissu dwar dan għal għexieren ta’ snin."

Huwa sostna li għalkemm m’għandniex kontroll fuq kemm tinżel xita nistgħu nagħmlu aktar biex nilqgħu għall-effetti tagħha. Żied jgħid li "mhux it-temp li jgħerreq it-toroq tagħna imma nuqqas ta’ immaniġġjar tar-riżorsa tal-ilma fuq medda ta’ snin.”

Huwa kompla billi fakkar li għalkemm il-Parlament Malti, is-sena l-oħra, iddikjara ‘emerġenza klimatika’, "ma sar xejn biex l-immanigġjar ambjentali (inkluż dak dwar l-ilma tax-xita) jirrifletti din l-emerġenza."

"Minkejja il-ħafna paroli u wegħdiet fiergħa għadna m’aħniex naraw l-urġenza fl-azzjoni li hemm bżonn tittieħed biex il-miri stabbiliti biex tiġi kontrollata  ż-żieda fit-temperatura globali jintlaħqu. Għalkemm Malta huwa pajjiż żgħir, bħala gżira huwa wieħed minn dawk li l-aktar jintlaqat ħażin jekk ma titteħidx l-azzjoni neċessarja." 

Għaldaqstant huwa qal ukoll li f'Malta diġà għandna liġijiet tajbin imma mhux ikunu implimentati. Dan filwaqt li stqarr li f’ċerti inħawi ta’ Malta, waqt u wara maltempata l-ilma tax-xita fit-toroq ikun imħallat mad-drenaġġ. "Dan mhux ħtija tan-natura iżda riżultat tal-inkompetenza grassa tal-awtoritajiet pubbliċi," żied jgħid Cacopardo.

Il-Partit tal-Ħodor temm jgħid li mhux biżżejjed li niftaħru bil-miljuni li jintefqu fl-infrastruttura. Tenna li jeħtieġ li l-miljuni jintefqu sewwa u b’responsabbiltà filwaqt li jeħtieġ li l-awtoritajiet pubbliċi bħall-Awtorità tal-Ippjanar u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma jibdew jagħmlu xogħolhom sewwa. "Meta dan isir, it-toroq waqt maltempata jkunu ferm aħjar milli kienu f’dawn il-ġranet."

Min-naħa tiegħu, id-Deputat Chairperson ta' ADPD, Mark Zerafa qal li dak li rajna din il-ġimgħa huwa eżempju ċar ta’ temp estrem li qegħda iġġib magħha l-bidla fil-klima. "Qiegħed ikollna xhur sħaħ ta’ nixfa kbira li qegħdin ikunu segwiti b’maltemp estrem ta’ dannu kbir għall-agrikoltura, għall-proprjetà u b’sogru għal ħajjet in-nies," fetaħ id-diskors Zerafa.

Fid-diskors tiegħu huwa spjega li l-bidla fil-klima anke aħna qed nikkontribwixxu għaliha. Qal li n-numru dejjem jikber ta’ karozzi fit-toroq tagħna, mhux jgħinu u lanqas kieku kellhom ikunu kollha jaħdmu bl-elettriku mhux se jgħnu.

Huwa qal li "minflok ma nżidu jew inwessgħu t-toroq hemm bżonn issir aktar emfasi fuq politika li tnaqqas id-dipendenza fuq it-trasport privat. Inqas għelieqi u natura b’hekk tkun żviluppata u riżultat ta’ hekk in-natura titħalla tassorbi iktar l-ilma tax-xita. Minflok kullimkien miksi konkos."

More in Politika