L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċina qed tirrakkomanda li l-vaċċin ta' Pfizer ikun jista' jingħata wkoll lil tfal li għandhom bejn 5 u 11-il sena.
Fi stqarrija, l-EMA qalet li d-doża għat-tfal se tkun inqas qawwija minn dik mogħtija lil dawk li għandhom minn 12-il sena jew aktar.
Anke fil-każ tat-tfal, it-tieni doża se tkun qed tingħata tliet ġimgħat wara l-ewwel waħda.
Ilbieraħ, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li Malta, mal-bqija tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, għandha l-ordni lesta.
L-ewwel dożi mistennija jingħataw min-nofs Diċembru. L-ewwel se tingħata prijorità lil tfal vulnerabbli u dawk li jbatu minn mard kroniku.
Wara, it-tilqima se tingħata skont l-etajiet.
Fl-Istati Uniti u anke fl-Iżrael, it-tfal ta' dawn l-etajiet diġà bdew jieħdu t-tilqima ta' Pfizer.