Jekk l-EMA tagħti l-approvazzjoni tagħha, min-nofs Diċembru jibdew jitlaqqmu t-tfal

Malta se tħaffef ukoll it-tilqim bil-booster ... dawk li għandhom aktar minn 50 sena jistgħu jirreġistraw biex jieħdu l-booster tal-vaċċin min-nhar it-Tnejn li ġej

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li jekk l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċina tagħti l-approvazzjoni tagħha, min-nofs Diċembru Malta se tkun f'pożizzjoni li tibda toffri l-vaċċin ukoll lit-tfal li għandhom bejn ħamsa u 11-il sena.

Fearne qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha fakkar li l-EMA x'aktarx li se tagħti l-parir tagħha dwar it-tilqima fost it-tfal għada.

Insista li jekk din tagħti l-approvazzjoni tagħha, Malta għandha l-ordni tagħha lesta, flimkien mal-bqija tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea u t-tir huwa li sa nofs Diċembru jaslu Malta l-ewwel dożi tat-tfal.

L-ewwel li se jitlaqqmu se jkunu tfal li jbatu minn mard kroniku u anke dawk vulnerabbli.

Wara, il-ġenituri se jirċievu l-appuntamenti skont l-etajiet.

Mit-Tnejn dawk li għandhom bejn 50 u 59 jistgħu jirreġistraw għall-booster

Intant il-Ministru ħabbar ukol li hekk kif l-Ewropa qed tesperjenza r-raba' mewġa ta' infezzjonijiet, Malta se tħaffef il-proċess tal-booster.

Fil-fatt, mit-Tnejn li ġej, dawk kollha li għandhom bejn 50 u 59 sena, jistgħu jirreġistraw biex jieħdu l-booster fuq vaccine.gov.mt.

It-tir huwa li sal-aħħar ta' Diċembru dawk kollha li għandhom bejn 50 u 59 sena jkunu ġew offruti l-booster.

Il-proċess tal-booster qiegħed tliet ġimgħat bil-quddiem....

Apparti minn hekk, il-proċess qiegħed tliet ġimgħat bil-quddiem u għalhekk, sa nofs Diċembru, Malta se tkun offriet il-booster lil dawk kollha li għandhom aktar minn 60 sena.

Fearne spjega wkoll li bejn it-tieni doża u l-booster iridu jkunu għaddew sitt xhur. Għalhekk jista' jkun hemm persuni li għandhom aktar minn 60 sena li għalissa mhux se jirċievu appuntament.

Fearne qal li dawn se jkunu offruti l-booster malli jgħaddu s-sitt xhur.

Fil-bidu ta' Jannar jirreġistraw dawk li għandhom minn 40 sena 'l fuq

Dan kollu jfisser, qal il-Ministru li sal-aħħar tas-sena, Malta se tkun offriet il-vaċċin lil dawk kollha li għandhom minn 50 sena 'l fuq, beix mill-bidu ta' Jannar, jibdew jirreġistraw dawk li għandhom bejn 40 u 49 sena.

Apparti l-anzjani, il-booster diġà ġiet u qed tiġi offruta lill-ħaddiema tas-saħħa, lill-frontliners kollha, lill-għalliema u anke lil persuni li jbatu minn kundizzjonijiet li jnaqqsulhom l-immunità.

More in Politika