L-għaqdiet li jħaddmu bi twissija biex il-Gvern jieqaf jieħu ħaddiema mis-settur privat

 Fi stqarrija konġunta sostnew illi l-Gvern għandu 'jwaqqaf b'mod immedjat it-teħid tar-riżorsa umana mis-settur privat'

L-Assoċjazzjoni ta' Min Iħaddem, il-Kamra tal-Kummerċ, il-Kamra tal-SMEs u l-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u r-Ristoranti fi stqarrija konġunta sostnew illi l-Gvern għandu "jwaqqaf b'mod immedjat it-teħid tar-riżorsa umana mis-settur privat, biex in-nies jaħdmu mal-Gvern jew inkella f'entitajiet tal-istat."

Huma qalu li aktar membri tagħhom qed jesprimu tħassib dwar impjegati li qed jirriżenjaw mingħajr mistenni sabiex jieħdu impjieg li huwa meqjus "sigur" u b'inqas pressjoni mal-Gvern. "Xi kumpaniji qed ikollhom inaqqsu l-operazzjonijiet tagħhom minħabba nuqqas ta' ħaddiema. Ħafna qed ikollhom idaħħlu ħaddiema barranin minflok," sostnew l-għaqdiet. 

Dawn l-assoċjazzjonijiet qed jisħqu li dan qed ibiddel kif ikun distribwit ix-xogħol fil-pajjiż, bit-tħaddim ta' aktar persuni barranin. "Konvinti li ħafna drabi u f'ħafna każi ma hemmx verament bżonn ta' dawn in-nies fis-settur pubbliku," jgħidu l-għaqdiet li jfakkru illi l-impjiegi fis-settur pubbliku qed jitħallsu minn flus il-pajjiż, ġejjin mit-taxxi. 

Finalment l-għaqdiet li jħaddmu wissew li popolazzjoni ta' ħaddiema li qed issir aktar anzjana se tippreżenta sfida għal Malta, hekk kif aktar pajjiżi tal-UE jaħdmu biex jattiraw ħaddiema żgħażagħ. "Ir-riżorsi f'Malta huma limitati u ma jistgħux jiġu moħlija hekk," temmew jgħidu. 

More in Politika