‘Aħna nirrispettaw id-deċiżjoni tal-poplu Libjan iżda l-elezzjoni waħedha mhijiex se ssolvi l-problemi’

Il-gazzetta ILLUM titkellem mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo hekk kif il-Libja qed tipprepara biex tivvota f’elezzjoni presidenzjali bit-tama li jintemm kunflitt li ilu għaddej għaxar snin 

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Evarist Bartolo saħaq mal-gazzetta ILLUM li l-elezzjoni presidenzjali fil-Libja, mhijiex se ssolvi l-problemi waħedha u hemm bżonn li l-mexxejja u l-politiċi Libjani jpoġġu qabel kollox, l-interess tal-poplu Libjan. 

Il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ Bartolo hekk kif il-Libja qed tipprepara għal Elezzjoni Presidenzjali li l-Ġnus Magħquda qed tittama li tgħaqqad il-Libja wara għaxar snin ta’ gwerra ċivili, minn meta tneħħa mill-poter Muammar Gaddafi.   

Il-partiti politiċi u anke l-Ġnus Magħquda fallew milli jgħaqdu lill-pajjiż fl-aħħar snin, bil-Libja tispiċċa maqsuma bejn żewġ gvernijiet rivali, wieħed ibbażat fil-kapitali Tripli u li huwa rikonoxxut internazzjonalment u l-ieħor ibbażat fil-Lvant tal-pajjiż. 

Madanakollu, hekk kif għad ma hemm l-ebda ftehim ċar fuq il-bażi legali tal-elezzjoni, b’mod partikolari miż-żewġ fazzjonijiet ewlenin, xejn għadu mhu ċert dwar l-elezzjoni. Jekk l-elezzjoni ssir, l-ewwel votazzjoni mistennija għall-24 ta’ Diċembru. 

Mexxejja ta’ pajjiżi kbar, fosthom Franza, il-Libja stess, il-Ġermanja, l-Italja u l-Eġittu u anke l-Viċi President tal-Istati Uniti, ltaqgħu f’konferenza f’Pariġi biex jiddiskutu din l-elezzjoni u saħansitra qablu li lesti jimponu sanzjonijiet kontra kull min jipprova jwaqqaf jew iħarbat il-proċess elettorali Libjan u anke t-tranżizzjoni politika. 

Iben Gaddafi fost il-kandidat 

Il-kobba kompliet titħabbel hekk kif iben Gaddafi, Saif al-Islam, irreġistra formalment bħala kandidat għal din l-elezzjoni presidenzjali. Din l-aħbar kienet waħda sorpriża hekk kif iben l-eks Dittatur kien ilu snin ma jidher fil-pubbliku. 

Fi żmien ir-revoluzzjoni Libjana, Saif al-Islam, li kien meqjus bħala l-eredi ta’ missieru, kien inħataf minn militanti u nħeles biss madwar ħames snin wara. Madankollu, il-Qorti Kriminali Internazzjoni qed tfittxu għal reati kontra l-umanità. 

Fl-istess elezzjoni mistenni jikkontesta wkoll Khalifa Haftar, figura prominenti fil-kunflitt Libjan. Haftar kien il-kmandant tal-forza magħrufa bħala Armata Nazzjonali Libjana (LNA) u li fl-aħħar snin kienet f’kunflitt kontinwu mal-fazzjonijiet fil-punent tal-pajjiż u l-Gvern rikonoxxut internazzjonalment. Saħansitra mexxa attakk ta’ 14-il xahar bil-għan li jieħu Tripli f’idejh. 

 

‘Hemm min għandu interess li l-Libja tibqa’ mifruda’ 

Mistoqsi dwar dan kollu u anke l-pożizzjoni ta’ Malta fuq il-kandidatura ta’ iben Muammar Gaddafi, il-Ministru Bartolo saħaq li Malta żgur mhux se tindaħal fil-ħajja interna tal-poplu Libjan. 

“Il-poplu Libjan jagħmel id-deċiżjonijiet li għandu jagħmel u jekk l-affarijiet isiru kif għandhom isiru, aħna nirrispettaw id-deċiżjoni,” insista l-Ministru. 

Madanakollu saħaq li Malta dejjem għamlet il-punt, anke fil-laqgħat tagħha mal-mexxejja Libjani, li l-elezzjoni waħedha mhijiex se ssolvi l-kwistjoni li ilha għaddejja għaxar snin. 

“Jekk ma ssirx hemm ċans li l-problemi jiżdiedu imma aħna dejjem insostnu u nappellaw biex il-Libjani jingħaqdu. Aktar ma poplu jinfired, dawk li għandhom interess li l-Libja tibqa’ ingovernabbli, aktar se jgawdu,” saħaq il-Ministru. 

‘Il-Libja għandha ħafna ġid u mhux żejt biss’ 

Insista li huwa fl-interess tal-mexxejja u tal-politiċi Libjani li jpoġġu l-interess ta’ pajjiżhom qabel l-interessi personali tagħhom. 

Saħaq li kemm il-Prim Ministru, kemm hu u anke l-membri l-oħra tal-Kabinett, fil-messaġġi tagħhom dejjem jappellaw favur l-għaqda tal-poplu Libjan. 

“Huwa importanti li l-Libjani jieħdu f’idhom it-tmexxija ta’ pajjiżhom u l-ġid tal-Libja,” saħaq il-Ministru. “Il-Libja mhijiex żejt biss. Il-Libja hemm ħafna ġid u minerali li llum id-dinja għandha bżonn. Nittamaw li dak il-ġid ma jdumx ma jibda jintuża għall-ġid tal-poplu Libjan kollu.” 

‘Il-Libja għalina hija wkoll art ta’ opportunità’ 

L-ILLUM tkellem ukoll mal-Ministru Bartolo dwar l-importanza li Malta dejjem tat lir-relazzjoni tagħha mal-Libja. Fl-aħħar xhur rajna diversi delegazzjonijiet mil-Libja jaslu Malta u viċi versa u saħansitra, f’Settembru li għadda, saret żjara uffiċjali mill-Prim Ministru tal-Gvern għall-Għaqda Nazzjonali tal-Libja Abdulhamid Dbeibah. Staqsietu x’tista’ tagħmel Malta biex il-Libja terġa’ tqum fuq saqajha. 

Il-Ministru Bartolo insista li l-ewwel ħaġa li trid tagħmel Malta hija “d-difensiva,” jiġifieri li jiġri x’jiġri fil-Libja, dan ma jweġġax lil Malta. 

Saħaq li huwa għalhekk li Malta taħdem ħafna mal-Libja biex ikun imrażżan l-influss ta’ immigrazzjoni irregolari. 

“Mhijiex dik biss il-pożizzjoni tagħna għax aħna dejjem ninsistu li l-immigrazzjoni rregolari trid tindirizzaha mill-għeruq tagħha. Jekk jitilqu mill-Bangladexx, mis-Sudan, mill-Eritrea jew mil-Mali, rridu naħdmu mal-Unjoni Ewropea u mal-Ġnus Magħquda biex dawn in-nies ikollhom ħajja aħjar f’pajjiżhom stess,” saħaq il-Ministru. 

Apparti d-difensiva, il-Ministru insista li għax Malta hija ċkejkna, jinteressaha aktar li tkun preżenti, titkellem u tibni relazzjoni tajba ma kemm jista’ jkun pajjiżi, inkluż il-Libja. 

“Jekk ma jkollnix relazzjonijiet tajba, il-kummerċ minn fejn se jiġi? L-investiment minn fejn se jiġi u aħna fejn se ninvestu?”, staqsa l-Ministru. 

Insista li jekk wieħed iħares lejn l-aħħar mitejn sena, kien hemm eluf ta’ Maltin li bnew ħajjithom aħjar fil-Libja. 

“Aktar qrib, kellna ħafna investiment Malti fil-Libja u anke investiment Libjan f’Malta,” saħaq il-Ministru. “Il-Libja għalina hija wkoll art ta’ opportunità.” 

Kien għalhekk li saħaq li Malta jimpurtaha ħafna li anke fil-Libja jkun hemm l-istabbilità, għax fi kliemu, jekk se tbati l-Libja, se tbati wkoll Malta. 

“Huwa fl-interess tagħna li kemm jista’ jkun ngħinu lil-Libja. Nagħmlu dak li nistgħu. Jekk nistgħu nagħmlu ftit, dak il-ftit nagħmluh u mhux naqtgħu qalbna għax aħna żgħar u naħsbu li ħaddieħor ma jimpurtahx minna,” temm jinsisti. “Jekk ma nagħmlu xejn, taħdem kontra tagħna. Irridu nkunu attivi. Għalhekk importanti li nitkellmu ma’ kulħadd.” 

More in Politika