Mill-2003 sal-2017: Il-Partit Laburista b’saħħtu fir-raba’ distrett u jkompli jissaħħaħ b’kandidati bħal Muscat, Fearne u Mizzi

Il-gazzetta ILLUM tkompli bil-ħarsa tagħha distrett distrett lejn ir-riżultati li kisbu ż-żewġ partiti l-kbar fl-aħħar erba’ elezzjonijiet ġenerali. Din il-ġimgħa jmiss ir-raba’ distrett

Bħat-tieni u t-tielet distrett li rajna fil-ħmistax li għaddew, ir-raba’ distrett huwa wkoll wieħed Laburist iżda fl-aħħar erba’ elezzjonijiet ġenerali, il-Partit Laburista kompla jissaħħaħ drastikament. Mill-Elezzjoni Ġenerali tal-2003 sa dik tal-2017, jinduna minnufih li l-Partit Laburista żied l-appoġġ, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista baqa’ jnaqqas l-appoġġ elezzjoni wara oħra.

Fil-fatt, f’temp ta’ 14-il sena, il-Partit Laburista żied madwar 3,887 vot, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista kompla jnaqqas l-appoġġ ftit ftit b’madwar 1,159 vot.

Il-gazzetta ILLUM qed tkompli bis-sensiela ta’ artikli li matulhom, hekk kif ninsabu ftit biss ‘il bogħod minn elezzjoni ġenerali oħra, qed tagħti rendikont u tanalizza s-sitwazzjoni tal-Partit Laburista u tal-Partit Nazzjonalista fid-distretti elettorali, mill-Elezzjoni Ġenerali tal-2003 sa dik tal-2017.

Wara l-ewwel distrett, illum imiss it-tielet distrett. Dan jinkludi parti mill-Fgura, il-Gudja, Raħal Ġdid, Santa Luċija u Ħal Tarxien.

2003: Il-PN minn taħt iżda kien għadu jeleġġi żewġ Deputati bla problemi ta’ xejn

Nibdew bl-Elezzjoni Ġenerali tal-2003, l-aħħar elezzjoni li l-Partit Nazzjonalista rebaħ b’maġġoranza komda, ftit ġimgħat biss wara r-referendum għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea.

F’dik is-sena, fir-raba’ distrett, il-Malta Labour Party (kif kien jissejjaħ dak iż-żmien), kiseb 58.7% tal-voti, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista kiseb 40.8%. Fil-fatt, l-MLP kiseb 12,497 vot u l-Partit Nazzjonalista kiseb 8,687 vot.

Anke jekk id-differenza bejn iż-żewġ partiti kienet waħda sostanzjali, il-Partit Nazzjonalista kien għadu jeleġġi żewġ Deputati minn total ta’ ħamsa f’dan id-distrett.

Żewġ kandidati kienu eletti minnufih fl-ewwel għadd. Silvio Parnis kien il-preferut ta’ 4,157 persuna. Mill-Partit Nazzjonalista, anke Jesmond Mugliett kien elett minnufih mal-ewwel għadd. Huwa kiseb 4,073 vot u kien elett minnufih. Il-kwota kienet ta’ 3,550 voti.

Għall-Partit Nazzjonalista kien elett ukoll Jason Azzopardi. Azzopardi, kien elett fis-16-il għadd b’5,046 vot.

It-tieni l-aktar kandidat popolari għall-Malta Labour Party kien it-tabib Karl Chircop. Chircop kien elett fl-14-il għadd bi 3,680 vot.

Minkejja li kien Deputat Mexxej, Joseph Brincat kien l-aħħar Deputat li eleġġa l-Partit Laburista. Fil-fatt huwa kien elett fis-17-il għadd wara li kiseb 3,199 vot.

F’dik is-sena, il-Partit Laburista kellu għaxar kandidati fuq il-lista tiegħu f’dan id-distrett, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista kellu sebgħa.

2008: Il-Partit Laburista jkompli jissaħħaħ u l-PN jibqa’ fl-istess ilmijiet tal-elezzjoni ta’ qabel

Immorru issa għall-elezzjoni tal-2008, l-elezzjoni li kulħadd kien qed jistenna li se tintrebaħ mill-Partit Laburista, imma li eventwalment rebaħ il-PN bi ftit mijiet ta’ voti.

Jekk l-appoġġ tal-Partit Laburista fuq bażi nazzjonali kien diġà ssaħħaħ ħafna, l-istess seħħ fir-raba’ distrett.

Il-Malta Labour Party (kif kien għadu jissejjaħ), kiseb 13,508 voti jew 61.5%, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista kiseb 8,183 vot, jew 37.3% tal-voti.

Silvio Parnis żamm postu bħala l-aktar kandidat Laburista b’saħħtu. Huwa kien elett minnufih fl-ewwel għadd hekk kif kiseb 4,890 vot. Din id-darba, anke t-tabib Karl Chircop mar tajjeb, tant li żied fl-appoġġ u kiseb 4,397 vot. Anke hu kien elett fl-ewwel għadd.

Charles Mangion, dak iż-żmien Deputat Mexxej tal-Partit Laburista għall-Affarijiet tal-Parlament, ma kienx l-aktar popolari anke jekk xorta waħda ġie elett fit-12-il għadd bi 3,910 voti.

Minn fost il-kandidati Nazzjonalisti, din id-darba, ħadd ma rnexxielu jaqbeż il-kwota ta’ 3,600 vot mal-ewwel għadd.

Din id-darba, l-ewwel li ġie elett kien Jason Azzopardi, li fl-għaxar għadd kiseb 3,679 vot. Fil-fatt, f’din is-sena, fl-ewwel għadd, Azzopardi kiseb aktar voti minn Jesmond Mugliett.

Mugliett kien elett fil-ħmistax-il għadd. Bis-saħħa tal-wirt tal-voti, huwa kiseb 4,434 vot.

Eventwalment, kif ħafna jiftakru, it-tabib Karl Chircop miet fit-12 ta’ Ottubru tal-istess sena. Postu fil-Parlament, wara elezzjoni każwali, kien ħadu Gino Cauchi.

F’din is-sena, il-Partit Laburista kellu tmien kandidati, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista kellu sitt kandidati.

Fost il-kandidati Laburisti, kien hemm Owen Bonnici, illum Ministru. Bonnici kien ġab 544 vot fl-ewwel għadd. Din kienet l-ewwel elezzjoni li kkontesta u kif rajna l-ġimgħa li għaddiet, kien elett mit-tielet distrett, wara li ċediet is-siġġu Helena Dalli.

2013: Il-PL ikaxkar l-elezzjoni u Joseph Muscat ikaxkar ir-raba’ distrett

Għall-Partit Nazzjonalista, l-2013 kienet sena diżastru. Wara xhur sħaħ ta’ batibekki interni, inkluż fil-Grupp Parlamentari, il-Partit Nazzjonalista jitlef l-Elezzjoni Ġenerali bi kbir. Fir-raba’ distrett kompla jnaqqas ukoll drastikament l-appoġġ.

Il-Partit Laburista kiseb 15,323 vot jew inkella 88.8% tal-voti, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista kiseb 7,354 vot, jew inkella 32% tal-voti.

Ma għandnix xi ngħidu, il-Partit Laburista kellu l-aqwa kandidati fuq dan id-distrett u dan ġie rifless ukoll fil-voti li kiseb.

Joseph Muscat, dak iż-żmien Mexxej frisk Laburista, kaxkar u kiseb 12,202 voti. Ovvjament kien elett fl-ewwel għadd. Immedjatament warajh, fit-tieni għadd, hekk kif wiret ħafna mill-voti ta’ Joseph Muscat, kien elett Konrad Mizzi b’5,265.

Mizzi kien ġdid għall-Partit Laburista iżda kien ukoll il-wiċċ tal-kampanja elettorali tal-Partit Laburista, anke għax kien hu l-moħħ wara l-wiegħda ewlenija tal-Partit Laburista, jiġifieri l-bini ta’ powerstation ġdida li taħdem bil-gass u t-traħħis imminenti tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma.

Anke jekk xorta waħda ġie elett, mar minn taħt Silvio Parnis, li fl-aħħar żewġ elezzjonijiet kien l-aktar kandidat popolari fuq dan id-distrett. Parnis kien elett fl-għaxar għadd wara li kiseb 3,869 vot.

Din id-darba, il-Partit Laburista eleġġa wkoll ir-raba’ Deputat minn dan id-distrett. Fil-fatt,, fis-17-il għadd, kien elett Chris Fearne bi 3,759 vot. Din kienet l-ewwel darba li Fearne, ikkontesta l-elezzjoni.

L-appoġġ kbir li kiseb il-Partit Laburista u Joseph Muscat, ta daqqa mhux ħażin lill-kandidati tal-Partit Nazzjonalista, xhieda ta’ kien hemm persuni li għall-ewwel darba dawru l-vot tagħhom.

L-uniku kandidat li rnexxielu jeleġġi l-Partit Nazzjonalista, kien Jason Azzopardi, anke jekk din id-darba, fl-ewwel għadd naqqas il-voti fuq l-Elezzjoni Ġenerali tal-2008. Huwa ġie elett fl-14-il għadd, bi 3,841 vot.

Il-bqija tal-kandidati Nazzjonalisti, seba’ b’kollox, ġabu biss ftit mijiet ta’ voti.

Eventwalment, bis-saħħa ta’ Artiklu 52 tal-Kostituzzjoni, li dwaru tkellimna fil-ġimgħat li għaddew, kien elett Carmelo Mifsud Bonnici. Għamlet tajjeb għalih l-emenda fil-liġi magħrufa bħala “tal-proporzjonalità.” Fi kliem sempliċi, din l-emenda tidħol fis-seħħ biex jiżdiedu s-siġġijiet biex jirriflettu s-saħħa tal-voti li partit ikun kiseb (fuq bażi nazzjonali) fl-ewwel għadd.

Fl-2013, il-Partit Laburista kellu ħdax-il kandidat fuq dan id-distrett.

2017: Fearne jaqlibha lil Mizzi u l-PN jibqa’ fejn kien

Fl-aħħar elezzjoni ġenerali, għal darb’oħra, il-Partit Laburista żied l-appoġġ tiegħu fir-raba’ distrett. Il-Partit Laburista kiseb 16,383 vot jew 67.7% tal-voti, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista baqa’, tista’ tgħid, staġnat fejn kien.

Il-Partit Nazzjonalista kiseb 7,528 vot, jew 31% tal-voti.

Fl-aħħar Elezzjoni Ġenerali, Joseph Muscat ma kienx reġa’ kkontesta fuq dan id-distrett u marr tajjeb Chris Fearne li niżżel ismu bħala l-aktar kandidat popolari tar-raba’ distrett. Huwa kien ilu sena Ministru għas-Saħħa.

Fil-fatt, tista’ tgħid li l-voti li kien kiseb Joseph Muscat fl-2013, tqassmu bejn Chris Fearne u Konrad Mizzi, minkejja li dan tal-aħħar kien diġà fil-qalba ta’ diversi kontroversji, partikolarment hekk kien ġie żvelat li kellu kumpanija sigrieta fil-Panama u spiċċa biex tilef żewġ Ministeri, l-ewwel il-Ministeru għall-Enerġija u l-ilma u mbagħad il-Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa.

Kemm Fearne u anke Mizzi kienu eletti fl-ewwel għadd. Fearne kiseb 5,405 voti filwaqt li Mizzi kien elett b’4,968 vot.

Silvio Parnis ukoll mar xi ftit jew wisq aħjar. Huwa kien elett fit-tielet għadd b’4,450 vot. Għall-ewwel darba, kien ikkontesta u kien elett ukoll Byron Camilleri. Huwa kien elett fit-23 għadd, b’4,164 vot.

Għal darb’oħra, il-Partit Nazzjonalista eleġġa biss kandidat wieħed u t-tieni kandidat kien elett biss wara li skatta l-mekkaniżmu tal-proporzjonalità, li diġà tkellimna dwaru. Dan minkejja li kellu kandidat aktar mill-Partit Laburista.

Fil-fatt, il-Partit Nazzjonalista kellu 11-il kandidat fuq dan id-distrett, filwaqt li l-Partit Laburista kellu għaxra.

Jason Azzopardi, li fix-xhur ta’ qabel l-elezzjoni kien fost l-aktar Deputati Nazzjonalisti voċiferi kontra l-koruzzjoni, kien elett fil-21 għadd b’4,450 vot.

Carmelo Mifsud Bonnici kien elett bis-saħħa ta’ Artiklu 52 tal-Kostituzzjoni.

Eventwalment, Chris Fearne kien ċeda s-siġġu tiegħu f’dan id-Distrett u minfloku kien elett Etienne Grech.

More in Politika