Għaxar priġunieri qed jagħmlu strajk tal-ġuħ għax iridu lil Alex Dalli lura

Alex Dalli ssospenda lilu nnifsu wara li hu u t-tmexxija tiegħu jinsabu taħt investigazzjoni mill-Pulizija u anke l-Ombudsman filwaqt li għaddejin diversi inkjesta maġisterjali u inkjesta oħra ministerjali

Il-Ministeru għall-Intern ikkonferma li għaxar priġunieri qed jagħmlu strajk tal-ġuħ bil-għan li Alex Dalli jerġa' jirritorna bħala Direttur tal-Ħabs.

Alex Dalli "ssospenda lilu nnifsu" wara li l-ġimgħa li għaddiet, priġunier ieħor għamel suwiċidju fil-ħabs. Dan kien it-tielet każ ta' suwiċidju din is-sena u l-erbatax-il mewta fi żmien it-tmexxija ta' Dalli.

Il-Ministeru kkonferma li għaxar priġunieri qed jagħmlu dan l-istrajk mas-sit Lovin Malta u saħaq li kif inhi l-proċedura, tim mediku qed jassistu lill-priġunieri.

Ta’ min ifakkar ukoll li wara diversi stejjer tal-gazzetta ILLUM, partikolarment dik dwar theddid bl-armi, il-Pulizija sejħet għal xi nies u qed tinvestiga lil Alex Dalli u t-tmexxija tiegħu. Saħansitra, kif żvela l-ġurnalist Peppi Azzopardi, kien hemm erba’ priġunieri li għamlu l-qalb u talbu li jitkellmu mal-Pulizija.

Sirna nafu wkoll li fl-4 ta’ Novembru, l-Ombudsman ukoll fetaħ investigazzjoni fuq it-tmexxija tal-ħabs.

Dan apparti li bħalissa għaddejja inkjesta ministerjali u diversi inkjesti maġisterjali oħra dwar imwiet li seħħew fil-ħabs. Minkejja dawn l-investigazzjonijiet kollha, Alex Dalli nżamm fil-pożizzjoni tiegħu sa nhar l-Erbgħa stess u kellu jkun hu stess li jissospendi lilu nnifsu.

Aqra wkoll:

Kampanja: Inwaqqfu l-ħniżrijiet f'Kordin

Alex Dalli u Randolph Spiteri, l-Assistent tiegħu, qed jippruvaw jagħlqu ħalq il-gazzetta ILLUM b'libell. Dawn jiswew il-flus. L-edituri u l-ġurnalisti għandhom bżonn is-sostenn tagħkom. Din mhijiex biss ġlieda tal-gazzetta ILLUM imma hija ġlieda favur id-dinjità umana u kontra l-ħniżrijiet li għaddejin f'Kordin. Ibgħatu d-donazzjonijiet tagħkom lill-gazzetta ILLUM. Tistgħu tagħmlu dan permezz ta' trasferiment fil-kont b'dawn id-dettalji: 

Benefiċjarju: MediaToday Company Ltd

Bank: Bank of Valletta p.l.c.

SWIFT Code: VALLMTMT

IBAN: MT71VALL22013000000040013525383

jew inkella permezz ta' ċekk, indirizzat lil MediaToday Ltd, fuq dan l-indirizz: Mediatoday Ltd. Vjal ir-Rihan San Gwann, SGN9016. 

Il-gazzetta ILLUM għaddejja wkoll b’kampanja illi permezz tagħha qed titlob lin-nies; lil dawk li kienu l-ħabs, lil dawk li għandhom xi ħadd jiġi minnhom li jinsab jew li jaħdem fil-Ħabs jew inkella lil dawk li jaħdmu mal-priġunieri jew inkella l-priġunieri infushom, biex jitkellmu dwar esperjenzi li għaddew minnhom jew li raw fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin. 

Il-vuċi tagħkom magħna tista' tbiddel l-affarijiet, fejn dawn mhux qed isiru sew! Għalhekk nistednukom biex tibgħatu email fuq [email protected] jew [email protected] jew inkella iċċemplu fuq in-numru 21382741/3 jew 21382745/6. 

L-identità tagħkom tibqa' waħda kunfidenzjali jekk intom titolbu għal dan.

More in Politika