Quddiem Ministru ewlieni: Alex Dalli jiftaħar li daħħal arma f’ħalq priġunier u jsemmih b’ismu

Aktar persuni u uffiċjali jersqu ‘l quddiem u jitkellmu dwar is-sitwazzjoni fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin

Minkejja li din il-ġimgħa Alex Dalli kien kostrett “jissospendi lilu nnifsu” minn Direttur tal-Ħabs wara li priġunier ieħor għamel suwiċidju, aktar persuni komplew jersqu ‘l quddiem biex jitkellmu dwar is-sitwazzjoni tal-ħabs u t-tmexxija militari li biha Dalli kien jikkontrolla l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Din il-ġimgħa, il-gazzetta saret taf b’inċident ieħor li seħħ xi żmien ilu quddiem Ministru u numru ta’ uffiċjali tal-Gvern li żaru l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. 

Alex Dalli laqa’ lil dan il-grupp ta’ uffiċjali armat bil-famuża arma li jżomm fuqu u anke b’kelb kbir tal-għassa.

L-ILLUM tista’ tikkonferma li Dalli ftaħar ma’ dan il-Ministru u anke mal-uffiċjali kif juża l-arma biex biha jhedded u jikkontrolla lill-priġunieri. Il-gazzetta ILLUM mhux tixkef l-isem tal-Ministru biex tipproteġi l-identità tas-sors.

Fil-fatt, saħansitra qalilhom li mhux l-ewwel darba li daħħal l-arma f’ħalq priġunieri, b’mod partikolari dawk l-inqas ubbidjenti. Dalli semma b’ismu priġunier li kien daħħallu l-arma f’ħalqu, ftit biss wara li sar Direttur tal-ħabs. 

Ta’ min ifakkar li l-eks gwardjan tal-ħabs Emmanuel Cassar, kien żvela mal-gazzetta ILLUM din il-prattika ta’ Alex Dalli u saħansitra semma wkoll żewġ ismijiet ta’ priġunieri li spiċċaw mhedda minn Dalli bl-arma tan-nar. L-ILLUM ikkonfermat dan ma’ gwardjani oħra li għadhom sal-lum jaħdmu l-ħabs.

Dan ifisser li l-gazzetta ILLUM taf minn tal-inqas bi tliet priġunieri li ġew mhedda minn Alex Dalli b’din l-arma tan-nar.

Dalli jiftaħar li kellu l-kontroll fuq l-ilma fiċ-ċelel tal-iżolament

Matul din l-istess żjara, Alex Dalli ħa lill-Ministru u anke lill-uffiċjali fil-parti tal-ħabs fejn kienu qed isiru ċelel ġodda tal-iżolament.

Is-sors li tkellem mal-gazzetta ILLUM saħaq li Dalli kompla jiftaħar li hu għandu l-kontroll fuq l-ilma f’dawn iċ-ċelel.

Ftaħar, bla mistħija ta’ xejn, li kapaċi jwaqqaf l-ilma f’dawn iċ-ċelel biex priġunieri li jkun irid jagħtihom kastig, jibqgħu fil-ħmieġ tagħhom stess.

Dan huwa biss inċident wieħed minn ħafna rapporti li rrapportat dwarhom il-gazzetta ILLUM u li Alex Dalli qatt ma ċaħad. Fil-fatt, il-gazzetta ILLUM ilha mid-29 ta’ Ottubru tibgħat mistoqsijiet lil Dalli u saħansitra wkoll tistiednu għal intervista.

Minflok wieġeb, Dalli fetaħ libell lill-gazzetta ILLUM, lill-edituri u lill-ġurnalisti tagħha u anke lill-eks gwardjan tal-ħabs Emmanuel Cassar. Il-gazzetta Illum qed tniedi wkoll kampanja biex tiġġieled dawn il-libelli.

Alex Dalli ssospenda lilu nnifsu nhar il-Erbgħa li għadda wara li priġunier ieħor għamel suwiċidju fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Dan kien it-tielet suwiċidju din is-sena u l-erbatax-il mewta li seħħet fil-ħabs fi żmien it-tmexxija ta’ Alex Dalli.

Ta’ min ifakkar ukoll li wara l-istejjer tal-gazzetta ILLUM, partikolarment dik dwar theddid bl-armi, il-Pulizija sejħet għal xi nies u qed tinvestiga. Saħansitra, kif żvela l-ġurnalist Peppi Azzopardi, kien hemm erba’ priġunieri li għamlu l-qalb u talbu li jitkellmu mal-Pulizija.

Din il-ġimgħa sirna nafu wkoll li fl-4 ta’ Novembru, l-Ombudsman ukoll fetaħ investigazzjoni fuq it-tmexxija tal-ħabs.

Dan apparti li bħalissa għaddejja inkjesta ministerjali u diversi inkjesti maġisterjali oħra dwar imwiet li seħħew fil-ħabs. Minkejja dawn l-investigazzjonijiet kollha, Alex Dalli nżamm fil-pożizzjoni tiegħu sa nhar l-Erbgħa stess u kellu jkun hu stess li jissospendi lilu nnifsu.

Kampanja: Inwaqqfu l-ħniżrijiet f'Kordin

Alex Dalli u Randolph Spiteri, l-Assistent tiegħu, qed jippruvaw jagħlqu ħalq il-gazzetta ILLUM b'libell. Dawn jiswew il-flus. L-edituri u l-ġurnalisti għandhom bżonn is-sostenn tagħkom. Din mhijiex biss ġlieda tal-gazzetta ILLUM imma hija ġlieda favur id-dinjità umana u kontra l-ħniżrijiet li għaddejin f'Kordin. Ibgħatu d-donazzjonijiet tagħkom lill-gazzetta ILLUM. Tistgħu tagħmlu dan permezz ta' trasferiment fil-kont b'dawn id-dettalji: 

Benefiċjarju: MediaToday Company Ltd

Bank: Bank of Valletta p.l.c.

SWIFT Code: VALLMTMT

IBAN: MT71VALL22013000000040013525383

jew inkella permezz ta' ċekk, indirizzat lil MediaToday Ltd, fuq dan l-indirizz: Mediatoday Ltd. Vjal ir-Rihan San Gwann, SGN9016. 

Il-gazzetta ILLUM għaddejja wkoll b’kampanja illi permezz tagħha qed titlob lin-nies; lil dawk li kienu l-ħabs, lil dawk li għandhom xi ħadd jiġi minnhom li jinsab jew li jaħdem fil-Ħabs jew inkella lil dawk li jaħdmu mal-priġunieri jew inkella l-priġunieri infushom, biex jitkellmu dwar esperjenzi li għaddew minnhom jew li raw fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin. 

Il-vuċi tagħkom magħna tista' tbiddel l-affarijiet, fejn dawn mhux qed isiru sew! Għalhekk nistednukom biex tibgħatu email fuq [email protected] jew [email protected] jew inkella iċċemplu fuq in-numru 21382741/3 jew 21382745/6. 

L-identità tagħkom tibqa' waħda kunfidenzjali jekk intom titolbu għal dan.

More in Politika