Filmat | Bernard Grech jistieden lill-Kummissarju biex jgħid jekk hux qed jinvestiga lil Joseph Muscat

Jisħaq li hemm biżżejjed suspetti biex Joseph Muscat ikun investigat

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, saħaq li l-Kummissarju tal-Pulizija għandu l-obbligu li jinforma lill-pubbliku dwar jekk il-Pulizija hijiex qed tinvestiga lill-eks Prim Ministru Joseph Muscat.

Grech fakkar li għaddew ħamest ijiem minn meta ġie rrapportat li Joseph Muscat irċieva madwar €60,000 mingħand kumpanija Żvediża li hija marbuta ma' Stewards Healthcare, il-kumpanija li qed tmexxi tliet sptarijiet pubbliċi.

F'messaġġ, il-Kap Nazzjonalista insista li dak li ġie rrapportat iqajjem biżżejjed suspett biex ikun hemm investigazzjoni.

"Jekk tkun inti li twettaq reat, anke jekk żgħir, jibagħtu għalik wara siegħa. Għadna ma nafux jekk Joseph Muscat issejjaħx biex jiġi investigat," saħaq Grech.

Kien hawn li saħaq li l-Kummissarju bħalma għandu obbligu li jiddefendi politiku li jkun akkużat b'mod falz, għandu l-obbligu wkoll li jinvestiga jekk ikun hemm allegazzjonijiet simili u li jinforma lill-pubbliku.

Grech saħaq li jekk il-Kummissarju mhux qed jinvestiga, allura ta biżżejjed ċans lil Joseph Muscat "biex jibni" dokumentazzjoni biex jiddefendi lilu nnifsu.

"Ma jistax ikun li l-politiku jibqa' jaħrab mill-ġustizzja. Mhux biżżejjed ngħidu li eks politiku għandu obbligu li jwieġeb. L-istituzzjonijiet għandhom jitħallew jaħdmu," saħaq Grech.

Grech temm ifakkar li l-politiku għandu obbligu kbir li jagħmel dak kollu possibbli biex il-pajjiż jerġa' jibni r-rispett li kien igawdi.

Aqra wkoll:

Muscat jgħid li €60,000 li rċieva minn kumpanija b'rabta ma' Steward kienu flus ta' xogħol li għamel, kollox iddikjarat

More in Politika