Jason Azzopardi jgħid fil-Qorti li eks politiku kien involut fl-attentat tas-serqa mill-HSBC

Is-seduta bdiet mill-ġdid b'botta u risposta bejn Jason Azzopardi u l-Avukat Pawlu Lia bil-Maġistrat twissihom li jekk mhux se jbiddlu l-aġir tagħhom, il-Qorti kienet se tieħu passi

Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi insista fil-Qorti li “eks politiku” kien involut fl-attentat ta’ serqa mill-kwartieri ġenerali tal-HSBC fl-2010.

Kien il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela li fetaħ libell lil Azzopardi wara li dan kien kiteb: “Jiena mhux qaddis ... imma aħjar milli kont kompliċi f’hold-up tal-HSBC.”

Din ma kinitx l-ewwel darba li Azzopardi implika lil Abela f’dan il-każ.

Fil-bidu tas-seduta, il-Maġistrat Rachel Montebello wissiet lil Azzopardi u anke lill-Avukat Pawlu Lia minħabba dak li sejħet bħala aġir “tal-mistħija, imbarazzanti u intolerabbli.” Dan wara l-botta u risposta li kellhom bejniethom ilbieraħ fil-każ tal-libell li l-Ministru Owen Bonnici fetaħ lil Azzopardi. 

Il-Maġistrat wissiethom li jekk jerġgħu jagħmlu dan, il-Qorti kienet se tieħu passi kontrihom.

“Qiskom tfal,” kompliet tgħidilhom il-Maġistrat hekk kif iż-żewġ avukati xorta komplew iwieġbu lil xulxin.

Lia skuża ruħu iżda xorta waħda akkuża lil Azzopardi, bid-Deputat Nazzjonalista wkoll skuża ruħu iżda jisħaq li mhu se jirtira l-ebda kelma milli qal ilbieraħ.

Wara sensiela oħra ta’ botta u risposta, is-seduta kompliet.

L-Avukat Pawlu Lia staqsa lil Azzopardi x’ried jgħid meta fuq Facebook qal li Abela għamel xi telefonati.

Azzopardi insista li sar jaf b’dan minħabba “rwoli oħra tiegħu.” Madanakollu insista li din ma kinitx referenza għal Abela.

Kien hawn li semma eks politiku bħala kompliċi f’dan l-attentat ta’ serqa. Offra li jixhed dwar dan wara l-bibien magħluqa.

Dan il-każ ikompli f’Novembru. 

More in Politika