Awla f'kaos hekk hekk kif Azzopardi jgħid li Bonnici ko parteċipant fl-assassinju ta' Daphne

Awla tispiċċa f'għajjat u storbju hekk kif id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi jisħaq li l-Ministru għandu jdejh mċappas bid-demm 

Smigħ ta' libell miftuħ mill-Ministru Owen Bonnici spiċċa f'koas hekk kif id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi akkuża lil Owen Bonnici illi huwa ko-parteċipant fl-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia. Bonnici fetaħ libell kontra Azzopardi hekk kif dan kien għajjru "giddieb u kriminal" fuq Facebook.

Il-Maġistrat Rachel Montebello ukoll spiċċat għajjat wara li Azzopardi spjega għalfejn hu għajjar lil Bonnici "giddieb."

"Qabel ġejt hawn għamilt ftit riċerka u sibt nies bħal Stalin, Ceausescu u Pol Pot li wkoll kellhom rekord kriminali nadif... ngħid hekk għax Bonnici lura fl-2016 kien iddefenda lil Konrad Mizzi u faħħru bħala wieħed mill-aqwa Ministri li qatt kellha Malta u li kellna napprezzaw il-fatt li Mizzi skuża ruħu," sostna Azzopardi.

Id-Deputat ta-PN esebixxa numru ta' dokumenti biex juri li għandu raġun, fosthom artiklu tal-gazzetta ILLUM illi fih Bonnici kien irrefera għal Caruana Galizia bħala "hate blogger" meta kien qed jirreferi għal mandati ta' sekwestru li kien fetaħ l-eks Ministru Chris Cardona kontra Daphne Caruana Galizia. 

"Imma inti qed tgħid li Bonnici huwa responsabbli wkoll għall-qtil ta' Daphne Caruana Galizia?" staqsa Pawlu Lia - l-avukat ta' Bonnici. 

"Iva," irrisponda Azzopardi. "Owen Bonnici għandu jdejh imċappsa bid-demm," qal Azzopardi. 

Dan wassal għal għajjat minn Lia "Missek tistħi! Missek tistħi....għalhekk  hawn din il-ħdura fil-pajjiż! Vili! Missek tistħi" għajjat Lia. 

Azzopardi beda jgħajjat lura: "Omiċidju insitgat minn Kastilja!"

Il-Maġistrat ipposponiet għal Diċembru u ħalliet lill-avukati jgħajtu fl-awla. 

More in Politika