Baġit 2022│ L-UĦM iddiżappuntata li l-baġit ma ndirizzax ċertu inġustizzji fost il-ħaddiema

L-Unjin titlob għal aktar ugwaljanza, opportunitajiet indaqs u liġi waħda

It-Taqsima Port u Trasport tal-UĦM Voice of the Workers, tinnota li fil-baġit, il-Gvern naqas milli jindirizza diversi anomaliji li jeżistu bħalissa fil-liġi tax-xogħol. Dan filwaqt li din l-unjin ilha snin tagħmel proposti biex l-impjegati ma jkunux affettwati ħażin.

Il-UĦM tgħid li waħda mill-problemi ewlenin li ma ġewx indirizzati f’dan il-baġit hi li mhux il-ħaddiema kollha qed jitħallsu bir-rata doppja meta jkunu xogħol nhar ta’ Ħadd. Dan għaliex il-Work Regulation Orders għal ċertu kategoriji ta’ ħaddiema ma jagħtux rata doppja meta jkunu xogħol fil-Ħdud iżda bis-siegħa siegħa. Għalhekk il-UĦM ilha u se tibqa’ tinsisti li tinbidel il-liġi biex din l-inġustizzja titneħħa.

L-Unjin innotat li għalkemm il-miżura li tħabbret fil-baġit, li l-ħaddiema tal-kuntrattur li jipprovdu xogħol fis-settur pubbliku jibdew jitħallsu bir-rata doppja hi pożittiva, din ser tapplika biss għal persentaġġ żgħir ħafna mill-ħaddiema li, sal-lum, qed jiġu diskriminati f’dan ir-rigward.

Barra minn hekk, f’dan il-baġit, il-UĦM tgħid li, mhux talli kienet miċħuda t-talba tagħha, biex isir studju jekk il-ġimgħa ta’ 40 siegħa xogħol tistax tonqos, talli għad hemm ħaddiema bħal dawk fit-trasport pubbliku li jaħdmu ġimgħa ta’ 48 siegħa. Dan ifisser li dawn l-impjegati qed jaħdmu 416-il siegħa iżjed fis-sena mill-ħaddiema l-oħra kollha f’dan il-pajjiż.

Minflok jitħallsu bir-rata tas-sahra għal dawn is-siegħat żejda, qed jitħallsu bir-rata bażika. Għalhekk il-UĦM temmen li mhux biss għandhom jibdew jaħdmu ġimgħa ta’40 siegħa bħall-ħaddiema oħra, imma jekk jagħmlu siegħat aktar jitħallsu bir-rata tas-sahra bħall-ħaddiema tal-kuntratturi fis-settur pubbliku.

Is-Senior Employment Relations Manager ta’ din it-taqsima, Kenneth Abela, stqarr li “għalkemm il-UĦM ressqet dawn it-talbiet kemm il-darba mal-Gvern, jidher li dan reġa’ għażel li jinjora l-karba ta’ dawn il-ħaddiema li jiġu stmati bħall-kumplament tal-impjegati ta’ dawn il-Gżejjer. Għalxejn noqgħodu nippriedkaw fuq il-valuri tal-ugwaljanza, tal-opportunitajiet indaqs u ta’ liġi waħda għal kulħadd meta l-istess Gvern mhux lest li jieħu l-inizjattiva biex jaġġorna il-liġijiet ta’ dan il-pajjiż sabiex jirriflettu tal-valuri”.

 

 

 

More in Politika