Jitħabbar aktar rilaxx ta' miżuri għal dawk li se jivvjaġġaw, għat-tiġijiet u t-trasport pubbliku

Id-Deputat PM Fearne iħabbar ukoll li r-riżultati tal-attività tal-massa li saret bħala test, se jkunu għand il-Gvern fil-jiem li ġejjin

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ħabbar waqt konferenza dalgħodu iktar rilaxx ta' miżuri li se jolqtu lil dawk li  se jivvjaġġaw, lit-tiġijiet u anke lill-kumpaniji tat-trasport pubbliku. 

Fearne ħabbar illi l-Gvern mhux se jibqa' jieħu in kunsiderazzjoni l-varjant MU - meta jiddeċiedi dwar il-klassifikazzjoni ta' pajjiżi -  hekk kif jidher li l-inċidenza tiegħu naqset bil-kbir. Dan ifisser li numru ta' pajjiżi, inkluż dawk fl-Amerika ta' Isfel, se jinqalbu mill-Lista tal-Aħmar Skur, għal-Lista l-Ħamra - li jfisser illi nies ġejjin minn dawn il-pajjiżi mhux se jkollhom bżonn jagħmlu aktar kwarantina. 

Minn naħa l-oħra Fearne qal li hemm numru ta' pajjiżi li se jaqilbu għall-aħmar skur u semma' kif pajjiżi fil-Lvant tal-Ewropa, fosthom ir-Russja, qed jaraw numri kbar ta' każi u mwiet. Ir-Russja kienet waħda minn dawk il-pajjiżi li madwar tliet ġimgħat ilu marru mil-lista l-Ħamra Skura għal-Lista l-Ħamra, flimkien mat-Tuneżija, fost oħrajn. 

Id-Deputat PM ħabbar ukoll li l-Gvern Malti se jibda jirrikonoxxi ċ-ċertifikat tal-vaċċin tal-Armenja, Moldovja l-Iraq u l-Korea ta' Isfel. 

Dwar it-tiġijiet Fearne ħabbar li l-massimu ta' sitt persuni fuq kull mejda se tiżdied għal tmienja u tonqos id-distanza bejn persuna u oħra fuq l-istess mejda. Il-gruppi ta' nies b'distanza ta' 100 metru se jiżdiedu minn 100 għal 300, li jfisser illi tieġ jista' jkollu aktar nies li jattendu fl-istess spazju.  

Fearne ħabbar ukoll li minn nhar it-Tnejn kull forma ta' trasport pubbliku jista' jimla 80% tal-potenzjal tiegħu, minflok 65% tas-seating kif kienet sa issa. 

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne qal ukoll li fil-jiem li ġejjin se jkun konkluż l-istudju dwar l-ewwel attività tal-massa li saret bħala test mingħajr ebda forma ta' restrizzjonijiet, liema riżultati qal li għandhom iwittu t-triq għal dak li se jiġri għall-Milied, il-pantomimi, tiġijiet u aktar. 

Huwa temm jgħid li dan qed isir hekk kif Malta laħqet it-30,000 doża tal-Booster, u sa issa ingħataw b'kollox 850,000 doża tal-vaċċin, biex mill-aħħar ta' Novembru l-vaċċin se jibda jingħata wkoll lill-għalliema u infermiera, fost oħrajn. 

 

 

More in Politika