Bernard Grech jisħaq li wasal iż-żmien li l-PBS ikun indipendenti mill-Gvern

Fi kliemu x-xandir nazzjonali huwa importanti u għalhekk ma għandu jkun taħt l-ebda dipartiment tal-Gvern u taħt l-ebda ministru

Il-Kap tal-Oppożizzjonni u tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech saħaq li wasal iż-żmien li l-istazzjon nazzjonali jkun indipendenti mill-Gvern.

Huwa qal dan waqt li kien qiegħed jindirizza lill-midja quddiem l-uffiċċju tal-Awtorità tax-Xandir fil-Ħamrun wara laqgħa mal-uffiċjali li talab hu stess b'urġenza ilbieraħ stess. 

"Wasal iż-żmien li x-xandir nazzjonali ma jibqax taħt dipartiment tal-Gvern u ma jaqax taħt l-ebda ministeru," insista Grech. 

Fi kliemu din hija istituzzjoni importanti u għandha taħdem b'mod indipendenti.

Appella biex il-Gvern jitlaq minn idu l-kontroll tal-PBS. Fi kliem Grech, mhux l-ewwel darba li ġew ingaġġati persuni sempliċiment biex tkun ikkontrollata l-linja editorjali. 

"Ix-xandir nazzjonali mhux biss falla milli jirrapporta ċertu aħbarijiet imma ġieli rrapportahom ħażin," insista. "Il-Maltin ħaqqhom imparzjalità u rapurtaġġ ġust."

Huwa semma diversi każi fejn ħass li l-Partit Nazzjonalista ma ngħatax biżżejjed attenzjoni, fosthom meta fi kliemu, il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne gideb dwar il-mediċina tal-IVF. 

"L-istqarrijiet tal-PN f'dan il-każ ma kinux irrapportati fil-bulettin ta' filgħaxija," qal Grech waqt li fakkar li l-PN ingħata raġun.

Ikkritika wkoll id-deċiżjoni tal-PBS biex dawk li jipproduċu programmi ta' diskussjoni jipprovdu t-tema li beħsiebhom jitrattaw minn 14-il ġurnata qabel.

More in Politika