Dejjem ġejja din il-metro imma se tasal xi darba? L-ILLUM tqabbel it-tliet proposti li saru fl-aħħar snin

Hekk kif id-diskussjoni dwar sistema ta’ metro f’Malta issa qabdet ir-ritmu, il-gazzetta ILLUM taqbad l-aħħar tliet proposti li saru, jiġifieri dik tal-Gvern, tal-kumpanija KonceptX u dik li kien ippreżenta l-Partit Nazzjonalista fl-2017 u tikkumpara l-punti ewlenin

Anke jekk ma hemm l-ebda indikazzjoni li dan se jkun proġett li se jibda malajr, id-diskussjoni dwar il-metro qabdet ir-ritmu, aktar u aktar issa li l-Gvern ippreżenta l-proposta u l-istudji li saru mill-kumpanija Internazzjonali Arup.

Hemm min qabel u min ma jaqbilx. Min qed jgħid li Malta żgħira wisq u li proġett bħal dan ma jkunx vijabbli. Oħrajn qed jgħidu li jmissna ilna li bdejna. Min kuntent bir-rotot u min qed jippretendi li jekk issir, il-metro kważi kważi tieqaf wara l-bieb tad-dar.

Madanakollu, din ma kinitx l-ewwel darba li saret proposta simili għal sistema ta’ trasport tal-massa. Fil-fatt, f’dawn il-paġni, il-gazzetta ILLUM se tkun qed tikkumpara tliet proposti, jiġifieri dik ippreżentata mill-Gvern il-ġimgħa li għaddiet, il-proposta tal-kumpanija KonceptX (li l-gazzetta ILLUM kitbet diversi drabi dwarha) u l-proposta li kien għamel il-Partit Nazzjonalista fil-kampanja elettorali tal-2017.

Kemm jiġi jiswa proġett bħal dan u kemm idum biex ikun lest?

Proposta Gvern: Il-proposta li qed jipproponi l-Gvern, ibbażata fuq l-istudji li saru mill-kumpanija Arup tiswa’ lill-pajjiż €6.25 biljun, liema proġett ikun lest fi żmien 15-20 sena.

Proposta KonxeptX: Il-proposta li ppreżentat il-kumpanija Koncept X ibbażata fuq l-istudji li għamlet tiswa’ lill-pajjiż €4 biljun, liema proġett ikun lest fi żmien 10 snin.

Proposta PN: Il-proposta li kien għamel il-Partit Nazzjonalista kienet intitolata ‘A Light Rail Metro for Malta.’ Il-proposta kif ippreżentata mill-Partit Nazzjonalista kienet tiswa €2.3 biljun meta wieħed jeskludi konnessjoni bejn Malta u Għawdex. Mina għal metro bejn Malta u Għawdex tiswa madwar €300 miljun oħra. Il-PN ma kienx ippreżenta dettalji dwar kemm idum biex ikun lest dan il-proġett.

Il-linji hekk kif proposti mill-Gvern
Il-linji hekk kif proposti mill-Gvern

X’inhuma r-rotot li qed ikunu proposti? Kemm iddum biex tkun lesta kull linja?

Proposta Gvern: Metro maqsuma fi tliet linji: ħamra, ħadra u blu. It-tliet linji jiltaqgħu fi tliet postijiet, fejn persuna tkun tista’ tbiddel il-linja. L-itwal u l-ewwel fażi tal-proġett hija l-Linja l-Ħamra u tieħu bejn ħames u tmien snin biex tkun lesta. 

  • Il-Linja l-Ħamra: Tgħaddi minn Buġibba, in-Naxxar, il-Mosta, Ta’ Qali, Ħ’Attard, Ħal Balzan, Birkirkara, Mater Dei, il-Gżira, Tas-Sliema, il-Balluta, San Ġiljan u Pembroke. 
  • Il-Linja l-Ħadra: Tgħaddi minn Birkirkara, l-Imrieħel, il-Marsa Park and Ride, l-Imsida, il-Furjana u l-Belt Valletta.
  • Il-Linja l-Blu tgħaddi minn Mater Dei, l-Imsida, il-Ħamrun, il-Marsa, ir-Raħal Ġdid, il-Fgura, Ħaż-Żabbar, Bormla u anke l-Ajruport.

Din il-proposta ma tinkludix konnessjoni lejn Għawdex. L-istudji jisħqu li “biex il-metro għal Għawdex ikun jagħmel sens, hemm bżonn li l-popolazzjoni ta’ Għawdex tiżdied b’minn tal-inqas 50,000 resident.” Jisħqu li dan jista’ jkollu impatt negattiv fuq Għawdex. 

Proposta KonceptX: Il-proposta ta’ Koncept X tikkonsisti f’linja waħda (jiġifieri ma jkollokx bżonn tbidddel ferrovija) li tinbena fi tliet fażijiet.  Tinkludi wkoll linja, permezz ta’ mina, li tgħaqqad lil Għawdex ma’ Malta. 

  • Fażi 1: Tgħaqqad il-Mellieħa mal-Ajruport u tgħaddi minn San Pawl il-Baħar, Buġibba/Qawra, Pembroke/Paceville, San Ġiljan, Tas-Sliema, l-Imsida (Mater Dei u l-Università), il-Belt, Raħal Ġdid, Ħal Tarxien, iż-Żejtun u Birżebbuġa. Tinbena fi żmien ħames snin.
  • Fażi 2: Tgħaqqad l-Ajruport ma’ San Pawl il-Baħar u tgħaddi minn Ħal Qormi, l-Imrieħel, Birkirkara u l-Mosta. Tinbena f’sentejn.
  • Fażi 3: Tgħaqqad il-Mellieħa ma’ Għawdex (b’waqfiet fix-Xewkija u r-Rabat). Tinbena fi tliet snin.

Proposta PN: Il-Partit Nazzjonalista kien ippropona sistema li tkun maqsuma f’erba’ linji u li kull linja tkun mibnija f’fażijiet.

  • L-ewwel linja: Tgħaqqad il-Belt Valletta, l-Imsida, Tas-Sliema u San Ġiljan. 
  • It-tieni linja: Terġa’ tibda u tispiċċa l-Belt Valletta u tmur lejn Birkirkara, Ta’ Qali, il-Mosta u n-Naxxar
  • It-tielet linja: Tibda u tispiċċa l-Belt Valletta u tmur Raħal Ġdid, l-Ajruport, il-Fgura, il-Kottonera, Ħaż-Żabbar u Wied il-Għajn.
  • Ir-raba’ linja: Tgħaqqad is-sistema ta’ Malta ma’ Għawdex. Din tibda jew tispiċċa San Ġiljan u tmur iċ-Ċirkewwa, l-Imġarr (Għawdex) u r-Rabat (Għawdex). Waħedha din il-linja tkun tiswa’ mal-biljun ewro. Il-mina taħt l-art tiswa’ €700 miljun, filwaqt li l-parti ta’ taħt il-baħar tiswa’ €300 miljun oħra.

Il-metro kif proposta minn Xuereb
Il-metro kif proposta minn Xuereb

Kemm ikompru kilometru dawn it-tliet proposti? Kemm stazzjonijiet? Fuq jew taħt l-art?

Proposta Gvern: Is-sistema hekk kif proposta mill-Gvern tkompri madwar 35 kilometru u tinkludi 25 stazzjon. Is-sistema kollha kemm hi tkun taħt l-art ħlief għal rotta żgħira. Il-mini (mina waħda b’żewġ tubi) jkunu mħaffra bejn 10 u 12-il metru taħt l-art, li jnaqqas ir-riskju tal-impatt fuq proprjetajiet u anke binjiet u siti importanti. Ta’ min isemmi li fi bliet kbar Ewropej, bħal ngħidu aħna Londra u Ruma, il-metro tgħaddi minn biswit monumenti storiċi importanti. F’Milan, pereżempju, wieħed isib stazzjon eżatt ħdejn id-Duomo.

Proposta KonceptX: Is-sistema tal-metro hekk kif proposta minn Koncept X tkopri distanza ta’ 50 kilometru u tinkludi 20 stazzjon. Il-mini jkunu mħaffra bejn 15 u 18-il metru taħt l-art. Il-proposta tinkludi sistema li taħdem kollha kemm hi taħt l-art. Anke f’dan il-każ, il-metro tkun mibnija diversi kilometri taħt l-art biex tnaqqas l-impatt fuq il-bini.

Proposta PN: Is-sistema tal-metro hekk kif kienet ippreżentata mill-PN tinkludi 103 kilometri u minn tal-inqas 17-il stazzjon. Taħdem kemm fuq u anke taħt l-art skont il-bżonn.

Il-ħinijiet tal-ivjaġġar

Il-proposti hekk kif ippreżentati jinkludi wkoll dettalji dwar il-ħinijiet tal-ivjaġġar, għax wara kollox dik hija l-aktar ħaġa li tinteressa lil min ikun lest juża din is-sistema

Proposta Gvern: Minn Mater Dei jew l-Università, sal-Belt Valletta, il-metro ddum sejra 10 minuti. Xi eżempji jinkludu: Minn Pembroke sa San Ġiljan żewġ minuti, sa Tas-Sliema 10 minuti, san-Naxxar 17-il minuta u sa Mater Dei sitt minuti. Minn Mater Dei sal-Imsida vjaġġ idum żewġ minuti, sal-Belt 14-il minuta, san-Naxxar 11-il minuta u sal-Ajruport 10 minuti. Eżempji oħra wieħed jista’ jsibhom fuq is-sit metro.mt. L-itwal vjaġġ (mingħajr bidla bejn linja u oħra), jiġifieri dak minn Pembroke sa Buġibba (fuq il-Linja l-Ħamra) jieħu 17-il minuta. Fl-aktar ħinijiet attivi, tasal ferrovija kull żewġ jew tliet minuti f'kull stazzjon. F'ħinijiet aktar kwieti, il-frekwenza tkun bejn ħames u għaxar minuti. 

Proposta KonceptX: Mir-Rabat Għawdex sal-Ajruport, il-vjaġġ idum 32 minuta. Mir-Rabat Għawdex sa Mater Dei jew l-Università, il-vjaġġ idum 36 minuta. Il-metro titlaq kull ħames jew għaxar minuti. Pereżempju jekk wieħed irid jinżel minn Għawdex sal-Belt Valletta, il-ħinijiet ikunu hekk. Mir-Rabat sax-Xewkija 2.5 minuti, mix-Xewkija sal-Mellieħa disa’ minuti, mill-Mellieħa sa San Pawl il-Baħar 4.5 minuti, minn San Pawl il-Baħar sa Buġibba 3.5 minuti, minn Buġibba sa Paceville 5.5 minuti, minn Paceville sa San Ġiljan 2.5 minuti, minn San Ġiljan sa Tas-Sliema 2.5 minuti, minn Tas-Sliema sa Mater Dei/l-Università 2.5 minuti u minn Mater Dei / l-Università sal-Belt 3.5 minuti.

Proposta PN: Il-proposta tal-PN ma kinitx tidħol f’ħafna dettalji dwar il-ħinijiet. Kienet tgħid biss li din tkun topera kuljum bejn is-6am u nofsilejl. It-tul ta’ vjaġġ ivarja minn ħames minuti fir-rotta tal-Belt, l-Imsida, Tas-Sliema u San Ġiljan għal 15-il minuta fuq rotot oħra.

Il-mini kif proposti mill-istudji tal-Gvern
Il-mini kif proposti mill-istudji tal-Gvern

Il-finanzjament

Proposta Gvern: Hekk kif il-proposta li ħabbar il-Gvern għadha friska, ftit li xejn ingħataw dettalji fuq il-finanzjament ta’ dan il-proġett. Madanakollu, waqt it-tnedija ta’ dawn l-istudji, ġie spjegat kif għal kull €1 li jintefaq, se jidħlu lura €1.40, primarjament minħabba inqas ħin moħli fl-ivjaġġar.   

KonceptX: L-istudji, li wettqet il-kumpanija KonceptX jispjegaw kif il-proġett jista’ jiġi ffinanzjat fi tliet partijiet. 

  • €750 miljun minn Fondi Ewropej (Ten-T programme) biex ikopri parti sostanzjali tal-ispiza biex tgħaqqad Għawdex b’metro.
  • €1.75 biljun jiġu mill-Gvern. Fuq perjodu ta’ 15-il sena, spjega l-Perit, dan ifisser €115 miljun fis-sena, jiġifieri kemm il-Gvern qed jonfoq kull sena biex iwessa’ t-toroq.
  • €1.5 biljuni mill-bonds tal-Gvern li jimmaturaw fuq perjodu ta’ 20 sena.

Proposta PN: Il-Partit Nazzjonalista, fid-dokument li kien ippubblika kien qal li mudell ta’ sħubija bejn il-Gvern u l-Privat x’aktarx li jkun l-aħjar wieħed biex jiġi implimentat proġett bħal dan. Jisħaq li madwar 90% tal-investiment propost kapaċi jkun kopert minn fondi Ewropej. 

Kemm ikun jiswa biljett?

Proposta Gvern: Skont is-sit metro.mt, għadu kmieni wisq biex tkun imwieġba din il-mistoqsija. Jgħid biss li jkun hemm strutturi differenti għall-biljetti, simili għal dawk li jintużaw fis-sistema tat-trasport pubbliku. Jgħid ukoll li jkun hemm rati differenti skont il-ħinijiet tal-ġurnata u anke l-frekwenza tal-użu. 

Proposta KonxeptX: F’kummenti mal-gazzetta ILLUM, il-Perit Konrad Xuereb kien spjega kif minn studji li wettqet il-kumpanija tiegħu, l-istima hija li biex tasal minn Għawdex sal-Ajruport, tħallas biss €2. Dawn iċ-ċifri huma bbażati fuq il-popolazzjoni ta’ Malta u anke l-għadd ta’ turisti li żaru Malta fl-aħħar sena qabel il-pandemija. Aktar dettalji fuq illum.com.mt

Proposta PN: Il-proposta ma kinitx daħlet f’dan id-dettall. Madanakollu, il-proposta tal-PN kienet tinkludi taqsima li tiddiskuti l-benefiċċji ta’ sistema bħal din, inkluż dawk ekonomiċi, soċjali u ambjentali. Tiddiskuti wkoll il-benefiċċji marbuta mas-saħħa tal-pubbliku u anke kemm jiswew lill-Gvern kundizzjonijiet li s-sors tagħhom jaf ikun it-tniġġis tal-arja, bħalma huma kundizzjonijiet respiratorji. 

X’se jsir bit-terrapien iġġenerat mill-iskavar tal-mini?

Proposta Gvern: L-istudji juru li t-terrapien iġġenerat jista’ jkun qed jintuża fi proġetti oħra potenzjali ta’ reklamazzjoni tal-art. Jagħtu eżempju b’dak li seħħ fil-każ tal-proġett Cityringen f’Copenhagen. L-istess studji juru li dan il-proġett kapaċi jiġġenera madwar 9.8 miljun tunellata ta’ terrapien.

Proposta KonceptX: Il-Perit Konrad Xuereb kien spjega mal-gazzetta ILLUM li jekk wieħed jieħu r-rotta kollha proposta u magħhom l-istazzjonijiet, ikun qed jitkellem fuq madwar 4 miljun metru kwadru ta’ art. Fi kliemu, it-terrapien ikun jista’ jintuża għar-reklamazzjoni tal-art biex fuqha jsiru proġetti ta’ enerġija rinovabbli u riserva naturali bħall-Miżieb. Semma proġetti simili, bħal London Array, li jinkludi 175 turbina li jiġġeneraw biżżejjed enerġija għal 750,000 dar u jnaqqas l-emissjonijiet tal-CO2 b’900,000 tunnellata, jiġifieri ekwivalenti għal 300,000 karozza.

Proposta PN: Il-proposta tal-PN ma kinitx daħlet f’dan id-dettall.

Punti oħra importanti

It-tliet proposti jisħqu li sistema ta’ metro waħedha ma tagħmilx sens. Irid ikun hemm mezzi oħra ta’ trasport li jaħdmu id f’id magħha, bħal sistema aġġornata ta’ trasport pubbliku li sservi ta’ shuttles mill-istazzjonijiet għal dawk l-irħula li mhux se jkollhom stazzjon għalihom.

Interessanti wkoll li l-istudji li ppreżenta l-Gvern isemmu kif jistgħu jkunu joperaw il-ferroviji. Fil-fatt isemmi li dawn ikunu jaħdmu b’mod awtomatiku u kkontrollati minn ċentru wieħed, mingħajr il-bżonn ta’ xufier għal kull waħda.

Fuq is-sit www.metro.mt wieħed jista’ jsib l-informazzjoni kollha marbuta mal-istudji u l-proposta tal-Gvern, filwaqt li fuq is-sit illum.com.mt, apparti artikli fuq dawn l-istess studji, wieħed jista’ jsib aktar informazzjoni dwar il-proposta ta’ Koncept X, fosthom intervista mal-Perit Konrad Xuereb. 

More in Politika