Baġit 2022 | 'Għamilna defiċit għax tajna l-wage supplement, tajna l-vouchers, eluf ta' swab tests bla ħlas...'

Id-Deputat PM Chrs Fearne u l-Ministru Clyde Caruana jwieġbu għall-kritika tal-PN dwar id-defiċit, b'Caruana jfakkar li kien biss taħt Gvern Nazzjonalista li Malta spiċċat fl-Excessive Deficit Procedure...

Il-Ministri Fearne u Caruana waqt il-konferenza
Il-Ministri Fearne u Caruana waqt il-konferenza

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne kif ukoll il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana f'konferenza tal-Aħbarijiet it-tnejn li huma indirizzaw il-kritika li qed issir mill-Oppożizzjoni dwar id-defiċit. Il-Ministru Fearne qal illi d-defiċit sar għaliex il-Gvern ta l-Wage Supplements lil tal-ħwienet, il-hairderessers, lil dawk kollha li jaħdmu fil-catering, "għax tajna l-vouchers għal darba, darbtejn, xtrajna lbies protettiv għall-infermiera tagħna , xtrajna għexieren ta' ventilators, ftaħna ħames ITUs, ftaħna swabbing centres, għamilna aktar minn miljun swab test - kollha mingħajr ħlas, tajna eluf u eluf ta' dożi tal-vaċċin u issa qed nagħtu l-boosters. Hekk żdied id-defiċit."

Huwa qal illi l-alternattiva ta' dak li wettaq il-Gvern huwa l-faqar, il-qgħad, il-mard, l-imwiet u l-falliment. 

Minn naħa tiegħu l-Ministru Caruana saħaq illi l-PN biddel id-diska wara l-Baġit. "Qed jipprova jagħti l-impressjoni li dak li ħabbarna mhux sostenibbli għall-pajjiż li verament mhux il-każ." 

"L-ispiżjar milli jkollu jagħtik u meta kien fil-Gvern il-Partit Nazzjonalista daħħal lill-pajjiż fl-Excessive Deficit Procedure, jiġifieri l-Unjoni Ewropea qaltlu li l-mod kif kien qed imexxi l-finanzi ma kienx sostenibbli. Allura l-PN mhuwiex kredibbli fil-qasam ta-finanzi," saħaq Caruana. Huwa kompla billi stieden lin-nies biex imorru jħarsu lejn l-istatistika u jaraw kif filwaqt li fl-2004 id-defiċit kien ta' 70% tal-Prodott Gross Domestiku (GDP) u baqa' 69% sal-aħħar ta' Gvern Nazzjonalista, minkejja pandemija u minkejja l-miżuri kollha li tħabbru d-defiċit illum huwa ta' 62% tal-GDP.

"Illum għandna aktar nies jaħdmu, inqas nies jirreġistraw u aktar nies attivi fil-qasam tax-xogħol." 

Minn naħa tiegħu Fearne irrefera għall-Indiċi tal-Covid-19 ta' ġurnal popolari finanzjarju Nikkei Asia, li jpoġġi lil Malta fuq quddiemnett bħala l-aktar pajjiż fid-dinja li se jirkupra b'mod mgħaġġel mill-pandemija Covid-19. 

"Għax aħna qegħdin l-aqwa fid-dinja stajna nagħmlu il-baġit li għamilna lbieraħ, għax konna kompetenti stajna nieħdu deċiżjonijiet tajbin. Għax għarafna li jekk ikollna s-saħħa nistgħu nirkupraw mill-aktar fis." 

Id-Deputat Prim Ministru ammetta li dan huwa baġit "tal-lum" għax qal li jilħaq l-aspirazzjonijiet tan-nies tal-lum, pero' qed jaħseb ukoll għal għada permezz ta' proġetti bħall-afforestazzjoni tal-Inwadar u aktar inċentivi għal pannelli solari, anke fuq vetturi, inċentivi favur aktar xiri ta' karozzi elettriċi u t-trasport pubbliku b'xejn, li jbassar illi hija miżura li se tnaqqas it-traffiku. 

More in Politika