Baġit 2022 | Jitwessa' l-In-Work Benefit ... 7,000 familja se jibdew jirċievu minimu ta' €200

In-Work Benefit speċjali għal madwar 40,000 ħaddiem fl-oqsma tal-akkomodazzjoni, servizzi, manifattura u oħrajn....

Fil-Baġit li tressaq illejla l-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana ħabbar it-twessigħ mill-ġdid tal-In-Work Benefit biex madwar 7,000 familja se jibdew igawdu għall-ewwel darba minn dan il-benefiċċju u jirċievu rata minima ta' €200. Caruana ħabbar illi 

 • Għal koppji fejn it-tnejn jaħdmu, il-limitu tad-dħul ser jitla’ minn €35,000 għal €50,000 fis-sena; 

• Għal koppji fejn wieħed mill-ġenituri jaħdem, il-limitu tad-dħul ser jitla’ minn €26,000 għal €35,000 fis-sena;

• Għal ġenituri waħidhom li jaħdmu – il-limitu tad-dħul ser jitla’ minn €23,000 għal €35,000 fis-sena

Apparti dan iżda l-Gvern se jkun qiegħed iżid €100 għal kull wild għal dawk kollha li jirċievu dan il-benefiċċju. Din il-miżura se tiswa' b'kollox €2 miljuni. 

Intant il-Ministru tal-Finanzi ħabbar miżura ġdida magħmula bħala inċentiv biex aktar ħaddiema jidħlu jaħdmu f'diversi oqsma mhux daqstant popolari. Fil-fatt illejla l-Ministru Caruana ħabbar li mis-sena d-dieħla, ser jibda jagħti €150 f’in-work benefit fis-sena għal dawk il-ħaddiema li għandhom paga bażika li ma teċċedix l-€20,000, li jaħdmu ħinijiet atipiċi jiġifieri, filgħaxijiet, fi tmiem il-ġimgħa u bix-xift mal-privat f’dawn is-setturi li ġejjin: akkomodazzjoni u servizzi tal-ikel, servizzi amministrattivi u ta’ sapport, manifattura, trasport u ħażna u bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut.

Il-ħaddiema jridu jkunu tal-anqas ħadmu 6 xhur matul sena kalendarja f’dawn is-setturi. B’kollox ser jibbenefikaw mal-40,000 ħaddiem b’benefiċċju ekwivalenti għal madwar 10% tat-taxxa tad-dħul li jħallsu.

More in Politika