Baġit 2022 | 4,500 anzjan u anzjana ta' 80 sena jew aktar se jibbenefikaw minn mediċina b'xejn

Dawk l-anzjani li għandhom 80 sena jew aktar u li jirċievu l-Għajnuna Supplimentari se jkunu eliġibbli għall-Karta r-Roża

Mis-sena d-dieħla, l-anzjani kollha li għandhom 80 sena jew aktar u li jirċievu l-Għajnuna Supplimentari, se jibdew jiġu eliġibbli awtomatikament għall-għajnuna medika bla ħlas, jew aħjar il-Karta r-Roża, kif inhi magħrufa. 

Fid-diskors tal-Baġit, il-Ministru Clyde Caruana spjega li dan se jibda jsir mingħajr il-ħtieġa li dawn l-anzjani joqogħdu għat-test tal-mezzi.

B’hekk madwar 4,500 anzjan jew anzjana ser jibdew jibbenefikaw minn mediċini b’xejn għall-ewwel darba.

2.8 Żieda fil-mediċini u trattamenti b’xejn

Il-Gvern ser ikompli jestendi l-formularju billi jinkludi: 8

  • Mediċini tal-onkoloġija li jittrattaw diversi tipi ta' kanċer

  • Trattament tal-osteoporożi li minnu jibbenefikaw madwar 20,000 pazjent

  • Mediċini ġodda għat-trattament ta' mard taċ-ċirkulazzjoni li minnu jibbenefikaw madwar 7,000 pazjent

  • Mediċini psikjatriċi li ser jindirizzaw il-bżonnijiet ta’ madwar 5,000 pazjent u jnaqqsu t-tul ta’ żmien li persuna jkollha tqatta’ l-isptar fuq kura psikjatrika

  • Mediċini ġodda għat-trattament tal-Fibromajalġja li minnhom jibbenefikaw madwar 2,600 benefiċjarju

  • It-trattament tal-anafilassi li hija reazzjoni allerġika severa tant li potenzjalment tista’ tkun ta' periklu għall-ħajja, li minnu ser jibbenefikaw madwar 1,400 pazjent. Dan it-trattament ser ikun ipprovdut fi 325 skola biex jiġi amministrat lill-istudenti f’każi t’emerġenza.

  • Trattamenti għall-pazjenti li jbatu minn mard infjammatorju

  • Mediċini ġodda għat-trattament tal-mard rari

  • Mediċini b'xejn għall-pazjenti tal-IVF

More in Politika