Baġit 2022 | Tkabbir ekonomiku ta' 6.5% fl-2022; Defiċit ta' 11% sal-aħħar tas-sena

Hekk kif id-dħul tal-Gvern mistenni jkompli jirranka u anke t-turisti jiżdiedu, sas-sena d-dieħla d-defiċit mistenni jinżel għal 5.6%

Il-pandemija ħalliet l-effett tagħha mhux ħażin fuq l-ekonomija iżda jidher li d-dħul tal-Gvern irranka b'mod aktar b'saħħtu minn dak li kien qiegħed ikun imbassar.

Fid-diskors tiegħu tal-Baġit 2022, il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana spjega kif tul l-2020, l-ekonomija rat tnaqqis ta' 8.3% tal-Prodott Gross Domestiku (GDP), bir-raġuni ewlenija tkun in-nuqqas ta' turisti. Ta' min ifakkar li kien hemm xhur sħaħ fejn is-settur tat-turiżmu kien kważi wieqaf kompletament. 

Sal-aħħar ta' din is-sena, il-Gvern qed ibassar li l-ekonomija se tkun kibbret b'4.8%. Qed ikun imbassar li sal-aħħar tas-sena se jkunu waslu Malta mal-miljun turist, ammont sostanzjali anke jekk ħafna inqas mill-2.8 miljun turist li żaru Malta matul l-2019. 

Dejjem skont it-tbassir tal-Gvern, is-sena d-dieħla, l-ekonomija mistennija tikber b'6.5%.

Kif wieħed jista' jimmaġina, il-pandemija wasslet ukoll biex id-defiċit tal-pajjiż żdied u mhux naqas. Id-defiċit huwa l-bilanċ bejn il-ħruġ u d-dħul tal-Gvern.

Il-Ministru Caruana spjega kif f'April li għadda kien bassar li sal-aħħar ta' din is-sena, il-Gvern se jkun irreġistra defiċit ta' 12%. Madanakollu, f'Ottubru, dan qed jammonta għal 11.1% u dan għax, skont il-Ministru, id-dħul irranka b'mod aktar b'saħħtu.

Il-mira tal-Gvern tibqa' li sal-2024, id-defiċit jinżel taħt it-3%.

Il-Ministru spjega wkoll li l-impatt tal-pandemija fuq id-dejn tal-pajjiż kien dak ta' 25% tal-GDP. Madanakollu l-Ministru fakkar li Malta kienet waħda mill-uniċi pajjiżi fl-Unjoni Ewropea li żammet is-suq tax-xogħol sħiħ billi żiedet in-numru ta' persuni fix-xogħol, naqqset il-qgħad u anke r-rata ta' dawk inattivi. 

More in Politika