L-eks Spettur Jonathan Ferris se jitressaq akkużat bi sperġur fuq l-allegazzjoni 'Egrant'

Ferris kien qal li $600,000 għaddew minn Leyla Aliyeva għal kumpanija ta' ħabiba ta' Michelle Muscat, tranżazzjoni li ma nstabitx traċċa tagħha

L-eks Spettur tal-Pulizija u eks Maniġer fl-FIAU Jonathan Ferris se jkun qed jiġi akkużat bi sperġur  - jiġifieri li gideb waqt li kien qed jixhed - quddiem il-Qorti fuq il-każ ta' Egrant. Kien fil-fatt l-Imħallef (dak iż-żmien Maġistrat) Aaron Bugeja li wkoll għamel din l-akkuża fil-konfront ta' Ferris f'rapport estensiv li kien ippubblika dwar l-allegazzjoni li Egrant Inc. - kumpanija fil-Panama - kienet ta' Michelle Muscat. Hu ma kien sab ebda evidenza li torbot il-kumpanija Egrant ma' Muscat. 

Waqt ix-xhieda tiegħu lill-inkjesta Ferris kien qal illi tranżazzjoni ta' $600,000 għaddew minn persuna esposta politikament (PeP) mill-Ażerbajġan għall-kumpanija Buttardi, tal-ħabiba ta' Michelle Muscat. Analiżi forensika ma kienet sabet ebda traċċi ta' din it-tranżazzjoni bejn Leyla Aliyeva - bint id-dittatur Ilham Aliyev u l-kumpanija Maltija. 

Ferris kien allega li l-pagament kien sar daqslikieku kien self. 

Il-pulizija kienu interrogaw lil Ferris f'Awwissu 2018 wara l-konklużjonijiet tal-inkjesta illi fiha Bugeja jistaqsi kif dan kien wasal għall-konklużjoni li tali tranżazzjoni kienet saret. Ferris kien qed jiltob li jingħata status ta' whistleblower fuq informazzjoni li jgħid li għandu fuq korruzzjoni fl-FIAU. L-applikazzjoni tiegħu ma kinitx ġiet milqugħa. 

Jonathan Ferris kien allega wkoll li l-eks Ministru u eks Kummissarju Ewropew John Dalli kienu qallu illi Egrant kienet tfisser 'Election Grant' u kienet tal-Partit Laburista. Dalli kien ċaħad tali konverżazzjoni. 

Il-Maġitsrat Marseanne Farrugia qed tippresiedi fuq il-każ. 

More in Politika