Baġit 2022 | 'Nittamaw li fost l-affarijiet li jiġu indirizzati fil-Baġit jkun hemm l-Air Malta ' - De Marco

Għada huwa Jum il-Baġit. Ftit sigħat qabel, il-gazzetta ILLUM tistaqsi lill-Kelliem tal-PN għall-Finanzi Mario De Marco x'qed jistenna mill-Baġit, għalfejn il-PN qed jikkritika d-defiċit meta huwa ovvju li dan żdied minħabba l-pandemija u x'qed jipproponi...

F'kummenti li għadda lill-gazzetta ILLUM, ftit sigħat qabel ma' l-Gvern iħabbar il-Baġit 2022 il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Finanzi Mario De Marco esprima t-tama li fil-Baġit li se jinqara għada filgħaxija l-Gvern jindirizza l-problema tal-Air Malta. Il-Linja nazzjonali tal-Ajru qed tistenna li l-Kummissjoni Ewropea tapprova għajnuna miljunarja lil din il-linja tal-ajru, simili għal għajnuna li ngħataw linji tal-ajru nazzjonali oħrajn, minħabba d-daqqa tal-pandemija. 

Il-pandemija tal-Covid-19 fissret miljuni ta' vjaġġi li ġew posposti jew inkella kkanċellati bil-linji tal-ajru kostretti jagħtu lura miljuni kbar f'rifużjonijiet. 

Kien il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana li mal-gazzetta ILLUM żvela kif il-linja nazzjonali qed tagħmel xejn inqas minn €170,000 kuljum f'telf. Caruana kien saħaq illi l-Air Malta tinsab "fi stat tal-biki" wara l-pandemija: "Jekk qabel il-pandemija s-sitwazzjoni tal-linja nazzjonali tal-ajru ma kinitx feliċi, wara l-pandemija saret tal-biki." 

Huwa kien wissa wkoll li jekk il-Kummissjoni tirrifjuta tagħti tali għajnuna, il-linja tal-ajru ma jkollhiex futur.

'Ovvja u mhijiex li d-defiċit kiber ħafna minħabba l-pandemija'

Intant De Marco qal illi hija "ovvja u mhijiex" li d-defiċit żdied b'mod qawwi minħabba l-pandemija, għall-mistoqsija ta' din il-gazzetta. De Marco qal li l-ħela hija waħda mir-raġunijiet għal din iż-żieda u jsemmi bħala eżempju l-kuntratt mal-Vitals Global Healthcare u sussegwentement ma' Steward Healthcare għat-tmexxija ta' tliet sptarijiet. Huwa jgħid illi f'dan il-każ, "il-Gvern qed joħroġ għexieren ta' miljuni u mhu jieħu xejn lura." 

Għall-mistoqsija tal-gazzetta ILLUM De Marco ammetta li l-pandemija ħalliet effett fuq il-finanzi tal-pajjiż hekk kif kien hemm miżuri li kellhom jsiru - li jfakkar illi l-Oppożizzjoni qablet magħhom u vvutat favur tagħhom - filwaqt li d-dħul finanzjarju naqas. 
Huwa jfakkar iżda li d-defiċit tal-pajjiż, tela' għal 11% tal-Prodott Gross Domestiku li jisħaq illi hija l-ogħla rata ta' tkabbir fid-defiċit madwar l-Unjoni Ewropea kollha. De Marco jgħid ukoll li l-Gvern ma żammx mal-miri tiegħu tant li minflok €750 miljun, id-defiċit tela' għal €1.6 biljun. 
Skont ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, sal-aħħar ta' Awwissu li għadda d-defiċit tal-pajjiż kien diġà ta' €753 miljun, bid-dejn jitla' għal €7.68 biljun - żieda ta' biljun ewro meta mqabbel mal-2020. . 

Huwa jgħid li parti mir-raġuni għaliex żdied daqstant id-defiċit hija l-ispiża rikorrenti, li jgħid illi baqgħet tiżdied biex fuq medda ta' snin din telgħet b'aktar minn 53%.

Huwa qal li għalhekk waħda mill-miri tal-Baġit għandha tkun kif dan id-defiċit se jkun qed jitnaqqas. 

Il-gazzetta ILLUM fakkret lil De Marco iżda li fl-istess nifs li l-PN qed jgħid kemm il-pajjiż għandu defiċit u dejn qed iwiegħed ukoll li jżid il-pagi tal-għalliema u anke tal-infermiera. Ma jħossx li dawn l-istqarrijiet huma xi ftit jew wisq konfliġġenti?

De Marco sostna illi d-defiċit "mhux neċessarjament" tnaqqsu billi tnaqqs il-pagi u jfakkar li hemm modi oħra kif dan isir, prinċipalment permezz tat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien ta' setturi ekonomiċi ġodda. 

'Ressaqna għexieren ta' proposti'

Mistoqsi mill-gazzetta liema proposti tal-Baġit li ressaq il-PN iħoss li se jagħmlu differenza reali f'ħajjet in-nies, De Marco qal illi l-PN qed ressaq "għexieren" ta' proposti, li jaqsam f'diversi gruppi. 

L-ewwelnett isemmi r-reputazzjoni ta' pajjiżna wara d-deċiżjoni tal-FATF li tpoġġi lil Malta fil-Lista l-Griża. "Hemm bżonn nindirizzaw din il-problema," jgħid DeMarco li jfakkar f'kemm huma kruċjali s-servizzi finanzjarji. 

Dwar il-Covid-19 DeMarco jgħid illi minkejja rkupru fit-turiżmu, dan is-setturgħadu  qed jirpilja bil-mod u allura l-PN qed jipproponi li l-għajnuniet jibqgħu jingħataw lil dawk l-aktar li għandhom bżonn, biex b'hekk in-negozji ikollhom pjan u tragwardi ċari. 

Huwa fakkar ukoll li l-PN qed iwiegħed diversi miżuri, bħal inqas rata ta' taxxa għal xogħol part time u reviżjoni tal-bands tat-taxxa għal dawk li jħallsu 15%, 25% jew inkella 35%, "ħalli nħallu aktar flus fi bwiet in-nies." Huwa qal li l-PN għandu wkoll diversi proposti biex jilqa' għar-rata ta' studenti li jitilqu mill-edukazzjoni kmieni li jfakkar illi hija fost l-ogħla rati fl-Ewropa.

De Marco itemm jgħid fuq dan il-punt li l-PN qed jipproponi li titfassal viżjoni ekonomika għall-futur, għal trasformazzjoni ekonomika, filwaqt li jsir patt soċjali ġdid. Mistoqsi x'tip ta' patt qed jitkellem dwaru DeMarco staqsa jekk il-pensjonijiet għadhomx adegwati jew inkella meta se tiġi indirizzata l-Living Wage jew meta l-prekarjat se neliminawh.

DeMarco sostna li l-Baġit li se jitħabbar għandu jkollu viżjoni ċara għall-futur. 

Segwu s-sit illum.com.mt għal rappurtaġġ estensiv dwar il-Baġit 2022.

More in Politika