Il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana mistenni jħabbar mekkaniżmu ġdid biex jgħin lil dawk l-aktar fil-bżonn biex ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja.
Skont it-Times of Malta, dan il-mekkaniżmu se jaħdem b'mod separat mill-COLA, jiġifieri l-mekkaniżmu li jikkalkula ż-żieda għall-għoli tal-ħajja, liema mekkaniżmu jiddependi biss mill-indiċi tal-prezzijiet.
Il-Ministru kien diġà indika dan il-mekkaniżmu waqt il-proċess tal-konsultazzjoni ta' qabel il-Baġit meta tkellem dwar il-bżonn li l-Gvern jgħin lil dawk li huma l-aktar fil-bżonn.
Kien qal li l-idea tiegħu hija li jkun hemm mekkaniżmu li jidħol fis-seħħ meta jkun hemm żieda fl-inflazzjoni li taffettwa lil ħafna nies.
Għall-kuntrarju tal-COLA, fejn iż-żieda għall-għoli tal-ħajja tkun imħallsa mill-Gvern u minn min iħaddem, dan il-mekkaniżmu se jkun qed jerfa' l-piż tiegħu l-Gvern.
Dak tal-lum se jkun l-ewwel Baġit tal-Ministru Clyde Caruana. Segwu d-dettalji kollha u l-miżuri ewlenin fuq is-sit illum.com.mt.